Żewġ Maltin u barrani nżammu arrestati wara r-raids li saru lbieraħ fil-Belt u fil-Marsa. Judith Bakoush ta’ nazzjonalità Maltija u Morat Abdikadir Mohammed Naswan li huwa Libjan – li t-tnejn għandhom 31 sena – ġew akkużata li kienu qed jużaw mill-inqas żewġ postijiet fil-Belt li minnhom kien qed isir it-traffikar ta’ droga.
Huma tressqu l-Qorti għall-ħabta tal-11am, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech. It-tnejn li huma wieġbu mhux ħatja għal akkużi fil-konfront tagħhom. B’mod separat aktar tard tressaq Joseph Borg ta’ 50 sena miż-Żejtun, li wkoll wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat.

Hekk kif kienet fl-awla, Judith Bakoush bdiet tgħid li kienet inkwetata minħabba t-tifel. Fl-istess waqt, hi bdiet tqum u toqgħod, u ssejjaħ lill-avukat tagħha. Bil-Maġistrat tordna biex hi tinħareġ mill-awla, u qaltilha li mhix il-pjazza tar-raħal.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li kellha suspett li kien hemm tifel minuri involuti fil-każ tat-traffikar.
Qalet li saru raids fi tliet residenzi, u l-Pulizija kellha tuża l-ispecial intervention unit għax post minnhom ġabuh qisu fortizza; imbarrat bil-ħadid.
Mistoqsija mill-avukat Franco Debono, il-Prosekuzzjoni qalet li nstabu 20 qartas ta’ crack u kokaina lesti għat-traffikar. Kien hemm ukoll eroina, kannabis u droga sintetika. Instabu wkoll eluf fi flus kontanti, ammont kbir ta deheb u arloġġi Rolex.
Min-naħa tagħha, id-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat ordnat l-iffriżar tal-assi tal-imputati u ordnat li jinżammu arrestati. Wara b’mod separat tressaq il-Qorti Joseph Borg ta’ 50 sena, li għandu stalel taż-żwiemel fejn il-pulizija temmen li huwa involut fl-attività kriminali relatata mal-każ preċedenti. Tfittxijiet sussegwenti fl-istalel irkupraw aktar droga u r-raġel imbagħad ġie arrestat, qalet il-prosekuzzjoni.
L-avukati difensuri ta’ Borg Charles Merceica u Ana Thomas qalu lill-Qorti bl-akkużat iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba. L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar is-sebgħa persuni l-oħra arrestati huma mifhuma li għadhom għaddejjin.
B’kollox, it-Tlieta, ġew arrestati 9 persuni fil-Belt. Bl-operazzjoni imbgħad kompliet fil-Marsa, fejn ġiet iċċirkondata stalla fi Triq it-Tiġrija. Hemmhekk ġie arrestat l-Malti residenti ż-Żejtun u minn tfittxija li saret f’remissa, insabet ammont ta’ sustanza suspettata kannabis, kokaina u droga sintetika, lesta biex tiġi traffikata.

