Internazzjonali

It-Tajlandja: Sospensjoni għall-Prim Ministru Prayuth Chan-ocha

L-Ogħla Qorti fit-Tajlandja sospendiet lill-Prim Ministru Tajlandiż Prayuth Chan-ocha mid-doveri uffiċjali u meta qed tikkunsidra sfida legali relatata mal-limitu tat-terminu ta’ poter tal-istess Prayuth. Dan qed isir wara li l-partiti fl-Oppożizzjoni ressqu każ  quddiem il-qorti bl-argument li Prayuth – li ilu Prim Ministru mill-2014 – qabeż il-limitu taż-żmien stipulat biex ikompli fil-kariga.

Il-Kostituzzjoni tat-Tajlandja tipperetti li Prim Ministru jkollu sa tmien snin ta’ poter. Intant, Prayuth (ritratt) – l-eks Kap tal-Armata li kien ħataf il-poter fl-2014 waqt kolp ta’ stat militari – baqa’ jamministra bħala Prim Ministru fl-2019 permezz ta’ elezzjoni li kienet tinvolvi votazzjoni ristretta ħafna.

Iżda fl-aħħar snin, Prayuth kellu jiffaċċja livell ta’ oppożizzjoni ħafna akbar flimkien ma’ kritika qawwija mingħand il-membri tal-koalizzjoni li qed imexxi. U qabel il-verdett tal-Ogħla Qorti, il-Prim Ministru Tajlandiż kien anki rnexxielu jiżgiċċa minn diversi voti ta’ sfiduċja fil-konfront tiegħu.