Il-Ħamis Ħamrun Spartans jilqgħu lil FK Partizan fl-Istadium Nazzjonali għall-partita mit-tieni leg tal-play-offs tal-Europa Conference League. Fl-ewwel leg f’Belgrad is-Serbi għelbu lill-Ispartans 4-1 biex issa, għalkemm mhux impossibli, is-sitwazzjoni għal Ħamrun hija l-aktar waħda diffiċli li s’issa kellhom f’din l-avventura fl-Ewropa.
Lejliet din il-partita, fis-Centenary Hall saret il-konferenza tal-aħbarijiet. Din id-darba għal din il-konferenza tal-aħbarijiet minbarra l-kowċ ta’ Ħamrun Branko Nisevic kien hemm preżenti l-Assistant Coach Stefano De Angelis, il-Match Analyst Domnic Mahoney, il-kowċ tal-goalkeepers Ruben Debono u l-Physical Trainer Emerico Pellegrini.
Mistoqsi jekk Ħamrun mhux se jkollhom plejers nieqsin minħabba xi injuries jew raġunijiet oħra Branko Nisevic qal li l-unika plejer li mhux se jkun għad-dispożizzjoni tiegħu huwa d-difensur Steve Borg li jinsab sospiż. Nisevic ħa l-opportunità li kif kienu preżenti rringrazzja lill-istaff tekniku tiegħu billi semmihom wieħed wieħed. Nisevic qal li dawn in-nies huma r-raġuni tas-suċċess ta’ Ħamrun Spartans.
L-assistent ta’ Nisevic, it-Taljan Stefano De Angelis qal li din hija l-ewwel esperjenza tiegħu f’Malta wara esperjenzi fil-Primavera fl-Italja Serie B u C u qal li qed jgħati l-esperjenza kollha li għandu lit-tim u bi ħsiebu jibqa’ jgħamel dan kemm jista jkun.
Mistoqsi dwar l-isfidi li qed jaffaċja t-tim mill-att fiżiku, il-Physical Trainer Emerico Pellegrini qal li l-isfidi bħal dejjem ikunu kbar però sa issa jinsab kuntent immens u l-iskwadra tinsab fl-aqwa forma fiżika tagħha wara tmien logħbiet. Huwa qal li jinsab sodisfatt immens bl-intensità li l-iskwadra rnexxielha tilħaq s’issa.
Dwar il-partita Nisevic qal li għalkemm l-avversarji Partizan fl-aħħar partita kellhom logħba tajba, l-istatistiċi kienu fuq in-naħa ta’ Ħamrun u d-differenza kienet tidher biss fil-plejers individwali li għandhom. Nisevic kompla jgħid li r-riżultat finali ma’ kienx jirrifletti dak li ġara fil-pitch u jemmen li jekk il-wirja tkun l-istess fil-partita tar-ritorn ir-riżutat ikun favur l-Ispartans.
Ruben Debono dwar l-aħħar akkwist tal-goalkeeper Anthony Curmi qal li l-eks Gżira United fost oħrajn għandu esperjenza kbira u se jkun wieħed mit-tliet goalkeepers ta’ Ħamrun flimkien ma’ Henry Bonello u l-Ispanjol Pablo Sanchez. Huwa qal ukoll li kif kien mistenni Steve Sultana issa jerġa jirritorna lura ma’ Nadur.
//= $special ?>