Il-Maltin jemmnu fit-tieni ċans wara li persuna tkun lestiet il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Dan ħareġ f’konferenza organizzata minn Caritas Malta l-Erbgħa filgħodu fejn fost l-oħrajn ġie preżentat rapport ta’ proġett li ilu għaddej 3 snin.
Il-peers huma dawk l-individwi li ndirizzaw il-vizzji jew problemi tagħhom fejn issa qegħdin jgħinu lill-oħrajn li bħalissa jkunu għaddejjin minn żmien ta’ riabilitazzjoni. U minn naħa tagħhom il-peers jistgħu jtejbu il-kwalita’ tas-servizzi soċjali. Barra minn hekk, dawn in-nies ikunu ri-integrati fid-dinja tax-xogħol u b’hekk jkunu qed jingħataw it-tieni ċans tagħhom.
Fir-rapport kien żvelat li f’pajjiżna dawk l-individwi li jkunu lestew il-programm ta’ riabilitazzjoni u jagħmlu 3 snin mingħajr ma’ jerġgħu jaqgħu għal vizzju tad-droga għadhom potenzjal qawwi ħafna sabiex isibu impjieg jew jgħinu lil dawk in-nies li jkunu għaddejjin mill-programm ta’ riabilitazzjoni. Ħafna drabi dawn l-individwi jkunu offruti opportunitajiet ta’ impjieg mal-Caritas stess.
L-għan ta’ din il-konferenza kienu sabiex tkun analizzata x’opportunitajiet jeżistu għal dawn il-peers wara li jkunu ħarġu mill-vizzju tad-droga. Waqt din il-konferenza intqal li b’mod ġenerali hemm bżonn aktar għarfien fuq din il-materja.
Dan il-proġett kien ibbażat fuq curriculum li jinqasam f’sitta …u li jinkludi wkoll kif il-post tax-xogħol jista’ jadatta għall-peers. Barra minn hekk, jindirizza wkoll kif wieħed għandu jħares lejn kunflitt u kif għandu jsolvieh. Dan il-proġett analizza wkoll is-sitwazzjoni barra minn xtutna fejn kien żvelat li pajjiżi oħra jitrattaw il-peers b’mod differenti u li għandhom metodi differenti sabiex joħolqu ambjent pożittiv fuq il-post tax-xogħol. Ir-rapport jispjega wkoll għaliex din is-sistema hija effettiva u x’jista’ jsir aħjar.