Il-każi tal-marda ġdida tal-monkeypox fl-Italja żdiedu bi 52 għal 714 każ fuq perjodu ta’ ġimgħa – b’dan joħroġ mill-aħħar informazzjoni provduta mill-MinisteruTaljan għas-Saħħa.
Viċin il-200 każ tal-monkeypox ( fl-Italja) huma relatati mal-vjaġġi ‘il hinn mill-pajjiż u meta – bħala fattur kurjuż – il-każi kważi kollha (704) tal-monkeypox jinvolvu l-irġiel.
L-età medja tal-pazjenti Taljani morda bil-monkeypox hi ta’ 37 sena. U waqt li ma rriżultaw l-ebda imwiet fl-Italja, l-awtoritajiet lokali kkonfermaw il-mewt mill-monkeypox ta’ ċittadin Taljan residenti f’Kuba.
Ir-reġjun tal-Lombardija hu l-aktar reġjun Taljan li ntlaqat ħażin mill-monkeypox, bl-aħħar aġġornament jikkonferma talanqas 310 każ lokali.
Wara l-Lombardija hemm ir-reġjuni ta’ Lazio (b’128 każ), Emilia Romagna (73) u Veneto (48).
Huma biss ir-reġjuni ta’ Basilicata, Calabria, Molise, Umbria u Val d’Aosta li ma rrapurtaw l-ebda każi għalissa,
L-Italja, fl-aħħar jiem, bdiet il-programmi tat-tilqim kontra l-monkeypox, bl-ewwel tilqim jingħataw ġimgħatejn ilu fl-Isptar ta’ Spallanzani f’Ruma. Dawn kienu segwiti bi programmi simili fil-belt ta’ Bologna u l-kumplament ta’ Emilia-Romagna.
Dan meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat il-monkeypox bħala ‘emerġenza tas-saħħa fuq livell globali’.
//= $special ?>

