Mario Degiorgio, ħu l-aħwa George Degiorgio u Alfred Degiorgio, li qed jistennew li jgħaddu ġuri għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti ddeċidiet li kienet semgħet biżżejjed provi prima facie biex huwa jitqiegħed taħt att ta’ akkużi. Huwa qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus u estorsjoni.
Il-każ kontra l-akkużat ta’ 65 sena residenti l-Marsa kompla quddiem il-maġistrat Donatella Frendo Dimech l-Erbgħa filgħodu bix-xhieda ta’ oħt l-akkużat. L-Avukat Mario Mifsud, li jassisti lill-mara, li mhux qed tissemma b’ordni tal-Qorti, talab biex titħalla ma tixhedx. It-talba kienet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni.
Il-Qorti wissiet lix-xhud dwar l-implikazzjonijiet legali tax-xhieda, u qaltilha li jekk ġenwinament tħoss li għamlet xi ħaġa ħażina u kienet se tinkrimina ruħha billi tixhed, kellha teżerċita d-dritt tagħha għas-silenzju u ma tirrispondix. Il-mara kkonfermat li kienet żaret lil ħutha l-ħabs, biex tara l-bżonnijiet tagħhom u ddepożitat flus fil-kontijiet tal-ħabs tagħhom numru ta’ drabi.
Xehed ukoll Melvin Theuma, il-middleman li ammetta li kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li kien irċieva maħfra Presidenzjali bi tpattija għax-xhieda tiegħu fil-każijiet tal-qtil, assistit mill-avukat Kathleen Grima. Theuma ġie mistoqsi mill-Qorti dwar telefonata bejnu u l-akkużat.
Huwa wieġeb li kien ipprova jgħaddi messaġġ biex ma jwassalx flus lil terza persuna, iżda qal li ma kienx jaf fejn tgħix it-terza persuna. “L-aħħar darba li xhedt insejt insemmi l-€5,000 mitluba minn Mario Degiorgio għas-sieħba ta’ George Degiorgio, Anca peress li kienet fuq pleġġ, biex tkun tista’ tħallas il-garanzija tal-qorti biex issiefer. Imma qatt ma ħadt flusi lura.
“Dan ġara aktar minn darba waħda qal Theuma. Anca Adelina Pop ilha fuq libertà proviżorja mill-2018 wara li kienet akkużata, flimkien ma’ l-aħwa Degiorgio, b’ħasil ta’ flus. “Jien lilu tajtu €5,000 xi erba’ darbiet. U kien jgħidli li l-garanzija fuqha kienet li hi tmur barra mill-pajjiż, imma jien ma ħadtx flusi lura, u mbagħad jgħiduli li kienet tuża l-flus fuq affarijiet oħra.”
Mistoqsi għaliex kompla jħallas flus jekk kien konxju li dawn id-depożiti fil-qorti ġew rimborsati wara li rritornat minn barra, Theuma qal li kien iżda jħallas xorta waħda “għax kelli dahru mal-ħajt.” Daren Debono, li fil-Qorti kkonferma li huwa magħruf bħala it-Topo, qal lill-maġistrat li għaraf lil Mario Degiorgio mill-Marsa, iżda ċaħad li qatt kellem miegħu jew li ġie kkuntattjat minn Theuma fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-akkużat.
Il-persuna li wara ssejħet fuq il-pedana tax-xhieda kien Joseph Brincat, magħruf bħala “is-Sukku”, li qal lill-Qorti li kien jgħix maġenb Mario Degiorgio. “Kbirna flimkien, imma mbagħad tlifna xi ftit il-kuntatt.” Il-Prosekutur Francesco Refalo staqsa lix-xhud dwar Theuma.
“Naf lilu, ukoll mill-aħbarijiet, imma naf lilu mill-Marsa.” qal Brincat li spjega li għandu bar fil-klabb tal-futbol tad-dilettanti, fejn Mario Degiorgio kien imur jiġbor il-flus għal ħutu. “Il-bar kien jiġi Lolly Pace, iġġib il-flus għall-aħwa ta’ Mario. Pace ma kienx jaf lil Mario, imma jien għedtlu li jien nafu. Għalhekk kont ngħaddi l-flus lil Mario Degiorgio, u kien iġib irċevuta.
“Il-flus kienu jkunu għal George u Alfred Degiorgio, u kultant ukoll għal Vince Muscat. Ikunu xi €200 jew €300 fil-ġimgħa, għal perjodu ta’ xi tliet xhur, ma niftakarx eżatt.” Meta wieġeb mistoqsija tal-avukat William Cuschieri, Brincat qal li ma kellux idea ta’ meta ngħatawlu l-flus.
Wara xehed Lawrence Pace, magħruf bħala “il-Lolly”. Qal li ma għarafx lill-akkużat fil-Qorti. “Kien hemm Melvin Theuma, konna ltqajna fil-ħanut ta’ Rafel u kien staqsieni kif seta’ jibgħat €300 lil Freddie, George u Vince,” qal Pace, li iktar tard żied jgħid li kien jaf lill-irġiel mill-klabb tal-futbol tad-dilettanti White Stars fil-Marsa. .
“Jien tajthom lil Joey Brincat u kien jagħtihom lill-familja,” xehed Pace, li kompla jgħid li kien għamel dan tliet darbiet biss. Xehdu wkoll diversi membri tal-familja ta’ Vincent Muscat li ddepożitaw ammonti żgħar ta’ flus fil-kont bankarju tiegħu tal-ħabs.
Xehed ukoll rappreżentant tal-BOV, li kkonferma li Mario Degiorgio kien ilu li kellu kont ta’ tfaddil fil-bank mill-2002. Ġew esebiti rekords ta’ tranżazzjonijiet, rendikonti bankarji u formoli tal-ftuħ ta’ kont. Wara xehed rappreżentant għall-HSBC, li qal lill-Qorti li l-akkużat kien ilu ma jopera magħhom mill-2017.
Il-ħames kontijiet tiegħu kienu ngħalqu bejn l-2005 u l-2016. L-aħħar kont dejjem kellu bilanċ ta’ 14ċ, żied ix-xhud. Wara li semgħet ix-xhud finali – rappreżentant mir-reġistru pubbliku li esebixxa dokumenti relatati ma’ Mario Degiorgio – il-qorti ddikjarat li rat biżżejjed provi prima facie biex tinħareġ l-att ta’ akkuża.
Degiorgio ingħata l-libertà proviżorja minħabba l-fatt li x-xhieda ċivili kollha kienu issa xehdu. Huwa ġie ordnat jiffirma kuljum l-Għassa tal-Pulizija, iċedi l-liċenzji tas-sewqan u tat-tbaħħir u josserva curfew. Il-libertà proviżorja kienet garantita b’depożitu ta’ €15,000 u €25,000 bħala garanzija personali.
“Jekk tikser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, tkun qed tagħti lill-Gvern ta’ Malta €40,000,” wissiet l-maġistrat, qabel iddifferixxit l-każ għal Ottubru. L-ispetturi tal-Pulizija Leanne Bonello u Chris Ellul mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-prosekuturi Marthese Grech u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati William Cuschieri u Lennox Vella kienu avukati difensuri.
//= $special ?>