Lokali Qorti

Raġel homeless mixli b’serq fil-Fgura

Raġel homeless wieġeb mhux ħati ta’ diversi akkużi ta’ serq u mmaniġġjar ta’ oġġetti misruqa, f’kawża fejn l-avukat tiegħu tal-għajnuna legali maħtur mill-Istat ma tfaċċax u ma setax jiġi kkuntattjat. Wayne Hall ta’ 32 sena tressaq quddiem il-maġistrat Gabriella Vella t-Tlieta waranofsinhar mill-Ispettur Sarah K Zerafa, akkużat b’serq aggravat ta’ scooter elettriku fit-22 ta’ Awwissu, li seraq tablet minn ħanut fl-20 ta’ Awwissu, serq aggravat ta’ batterija minn scooter elettriku u ieħor minn showroom u kkawża ħsara fuqu.

Ir-reati kollha seħħew f’diversi nħawi tal-Fgura. Hall ġie mixli wkoll li ġarrab oġġetti misruqa u li sar reċediv. Iżda meta bdiet il-kawża, il-Qorti ntqal li l-pulizija ma setgħetx tilħaq lill-avukat tal-għajnuna legali tar-raġel fuq il-mobile.

Il-Qorti rrimarkat li dan kien seħħ ukoll f’kawża aktar kmieni filgħodu, u li kien daħal avukat ieħor mill-pool tal-għajnuna legali biex jassisti peress li dak il-ħin kien jinsab fil-qorti. Waqt l-akkuża ta’ wara nofsinhar kien preżenti biss l-avukat Arthur Azzopardi.

Huwa laqa’ t-talba tal-qorti biex jassisti lill-akkużat fuq bażi biss għall-arrest. Azzopardi qal li l-klijent tiegħu mhux ħati iżda ma talabx il-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-fatt li r-raġel ma kellux indirizz fiss. Hall inżamm taħt arrest preventiv.