Lokali Qorti

Raġel li allegatament kien involut f’serqa weġġa meta kien segwit mill-Pulizija

Raġel suspettat li allegatament kien involut f’serqa, u li weġġa’ lilu nnifsu waqt li kien qed jipprova jaħrab mill-pulizija wieġeb mhux ħati ta’ akkużi ta’ serq aggravat u mmaniġġjar ta’ oġġetti misruqa. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Christina Delia ressqu l-qorti lil Daviti Arsenidze ta’ 33 sena mill-Ġeorġja, fuq żewġ serqiet li seħħew fil-15 ta’ Awwissu minn blokk appartamenti fil-Mosta.

Arsenidze kien akkużat ukoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa. L-imputat, li daħal izappap fl-awla u jokrob bl-uġigħ, qal lill-Qorti li kien qiegħed f’Malta iżda kien professjonist tal-isport f’pajjiżu. Meta nnotat li r-raġel kellu wġigħ, il-Qorti staqsiet x’ġara u qalulha li qabeż l-għoli ta’ sular biex jevadi lill-uffiċjali li ġrew warajh biex jarrestaw.

L-Ispettur Mercieca spjega li Arsenidze kien ħareġ mill-isptar ilbieraħ. Il-Qorti qalet lill-akkużat li jista’ jpoġġi għall-kumplament tal-kawża minħabba l-qagħda li kien fiha. L-Avukat difensur Victor Bugeja ressaq dikjarazzjoni ta’ mhux ħati f’isem ir-raġel.

Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba. Il-Qorti, qabel ma bagħtet l-atti tal-każ lir-reġistratur, ġibdet l-attenzjoni lid-direttur tal-ħabs għall-fatt li l-akkużat kien għadu kemm ħareġ mill-isptar u “jidher ċar li kellu wġigħ u jeħtieġ aktar attenzjoni medika.”