“Il-problema tinsab kullimkien. Lanqas tissogra tibgħat lil uliedek jixtru ħobża.”
“X’jiswa’ li tiddiskuti, u ma tiehu ebda azzjoni?”
“Ninsabu imdejqin bis-sitwazzjoni”.
Dawn kienu biss uhud mill-kummenti li spikkaw fuq Facebook fil-konfront tal-PM Robert Abela wara li ppubblika ritratt ta’ laqgha li kellu mas-Sindki tal-Marsa u tal-Ħamrun.
Ir-reazzjoni tan-nies kienet waħda ta’ korla, b’persuni jgħidu li għalxejn għamel din il-laqgħa għax il-Gvern rasu fir-ramel u mhux jisma’ mill-poplu. Dan filwaqt li oħrajn stqarrew illi jaqblu mal-proposta li ressaq il-PN, li min jikser il-liġi ikun deportat lejn pajjiżu.
Persuna oħra saħqet li l-awtoritajiet mhux jagħtu każ tal-problema tas-sigurta f’pajjizna. B’uħud jgħidu u l-Pulizija m’għandhom biżejjed riżorsi…u allura, għandha tingħata għajuna anke mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Fil-kummenti, issir pressjoni biex isiru aktar rondi bil-lejl, biex min jgħix fil-Ħamrun u f’lokalitajiet oħra, jkollu serħan tal-moħħ.
Saru appelli wkoll biex il-Gvern jagħti każ żoni oħra, bħal Ħal Luqa, San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Filwaqt li oħrajn qalu li l-problemi sa anki waslu sa Għawdex, bil-bajja ta’ Marsalforn saret mekka ta’ abbuż.
Il-laqgħa ta’ Abela fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, inżammet mingħajr ma kienet infurmata il-midja, filwaqt li sa issa dak li kien diskuss baqa’ mistur.
Is-Sibt li għadda Robert Abela ddeskriva s-sitwazzjoni fil-Ħamrun bħala “ġunġla” – madankollu ma offra l-ebda soluzzjoni biex l-isfidi li qed ikun hemm f’dawk l-akkwati jiġu indirizzati.