“Kien ippreparat b’mod spiritwali sabiex jiltaqa’ m’Alla.”
Dan intqal minn Fr Blake Camilleri waqt il-funeral ta’ Mario Tabone li ngħata l-aħħar tislima l-Erbgħa waranofsinhar.
Waqt l-omelija Fr Camilleri qal li Mario Tabone kien iħobb ħafna l-kotba u tul ħajtu huwa kiteb il-kapitlu tat-tbatija kif ukoll kapitlu dwar ir-relazzjoni li kellu m’Alla. Huwa kompla jgħid li kulħadd għandu jimxi fuq l-eżempju tiegħu ghaliex hu ma kienx biss tabib iżda kien tabib tajjeb kemm tal-ġisem kif ukoll tar-ruħ.
Fr Blake tenna li l-ħajja saret waħda mgħaġġla allura faċilment ninsew dak il-mard li ma jidhirx u niftakru fih meta nattendu funeral. Huwa qal ukoll li t-tabib Tabone għen ħafna nies tul il-karriera tiegħu. Mario Tabone kien bniedem maħbub ħafna u din l-imħabba u r-rispett dehret ukoll illum hekk kif il-knisja kienet mimlija nies saħansitra bin-nies fuq barra tal-knisja f’Tal-Ibraġġ, sabiex jagħtuh l-aħħar tislima.
Tabone kien attivist fil-Partit Nazzjonalista matul il-perjodu tal-Indipendenza. Barra minn hekk, fis-snin disgħin ħareġ bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq Tas-Sliema. Aktar tard huwa kien inħatar bħalha ċ-Chairman ta’ Heritage Malta fejn wettaq ħidma mill-aktar importanti.