Il-mexxejja tad-dinja ngħaqdu f’espressjoni komuni ta’ solidarjetà mal-Ukrajna li qed tiċċelebra Jum l-Indipendenza anki waqt li qed tkompli bil- gwerra qalila mal-qawwiet tar-Russja li invadewlha artha fl-24 ta’ Frar.
Il-jum tat-Tlieta jimmarka anki għeluq is-sitt xhur minn dakinar tal-invażjoni, bil-Mexxejja tal-Ewropa u pajjiżi oħrajn iwasslu messaġġi ta’ appoġġ għar-‘reżistenza qalbiena tal-Ukreni’ li qegħdin jiġġieldu għad-dritt li jeżistu bħala pajjiż sovran u indipendenti.
Iċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum l-Indipendenza madwar l-Ukrajna huma karatterizzati bil-miżuri tas-sigurtà stretti minħabba l-biża’ li r-Russja tista’ twettaq sensiela ta’ attakki ‘mill-aktar intensivi’ biex titterrorizza lill-poplu.
Iċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum l-Indipendenza tal-passat kienu jinvolvu l-parati militari kbar fiċ-ċentru ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna. Madankollu, din id-darba ma sarux l-avvenimenti pubbliċi fil-kapitali minħabba li setgħu jispiċċaw mira partikulari għall-militar Russu.
It-tensjoni fl-Ukrajna tinsab f’livell mill-aktar akut wara l-aħħar splużjonijiet fil-bażi militari tar-Russi fil-Krimea u l-assassinar, jiem ilu, tal-ġurnalista u apoloġista għall-Kremlin Darya Dugina, li nqatlet minn karozza-bomba.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ħalef li jillibera lit-territorji kollha li spiċċaw okkupati mir-Russi – filwaqt li insista li dan għandu jsir ‘mingħajr l-ebda konċessjoni jew kompromess min-naħa ta’ Kiev’.
//= $special ?>