Meta fadal biss żewġ logħbiet biex jispiċċa l-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Birgu u Birkirkara għandhom 17-il punt kull wieħed wara li Birgu rebħu lil Cospicua Rangers u Birkirkara tilfu barra minn darhom kontra t-tim ta’ Floriana.
Birkirkara ħadu telfa kontra Floriana 21-12 biex dawn tal-aħħar żammew it-tamiet tagħhom li jiġu fir-raba’ post u jilgħabu fil-play-offs filwaqt li Birkirkara ġew milħuqa minn Birgu.
Birgu rebħu barra minn darhom kontra t-tim ta’ Cospucua Rangers b’punteġġ ta’ 21-8 biex issa telgħu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika ma’ Birkirkara meta fl-aħħar logħba tal-kampjonat se jilgħabu kontra xulxin. Birkirkara u Birgu aċċertaw minn post fil-play-offs.
Bormla rebħu lil Tarxien 21-9 biex żammew it-tielet post tal-klassifika u jonqoshom biss rebħa biex jaċċertaw posthom għall-play-offs.
Birżebbuġa għelbu mingħajr wisq tbatija lit-tim ta’ Sta. Venera 21-0 u baqgħu fir-raba’ post filwaqt li Sta. Venera baqgħu b’ħames punti, punt vantaġġ fuq Mosta li jinsabu fl-aħħar post.
Mosta kisbu rebħa importanti ta’ 21-18 kontra Thassalejn biex żammew it-tamiet tagħhom li jevitaw ir-relegazzjoni meta jinsabu biss punt taħt Sta. Venera.
Żejtun tilfu f’darhom kontra t-tim ta’ Sta. Luċija bil-punteġġ ta’ 21-18 biex ħadu daqqa ta’ ħarta u tilfu ċ-ċans li jiksbu post fil-play-offs.
