Lokali

Brothers from Malta – l-istorja ta’ żewġt aħwa Maltin f’Kalifornja

Wara 7 snin ma jitkellmux, żewġt aħwa Maltin mill-Awstralja jispiċċaw jagħmlu road-trip f’Kalifornja biex isalvaw lil oħthom.

Hija din l-istorja komika tal-aħwa Joe u Charlie fil-film Brothers from Malta li se jkun qiegħed jintwera fis-swali taċ-ċinema lokali mill-31 ta’ Awwissu.

Brothers from Malta hija produzzjoni Maltija Awstraljana bid-direzzjoni, kitba u produzzjoni ta’ Julian Galea. Net News tkellem ma’ Julian fejn spjega dwar din l-avventura li dawn iż-żewġt aħwa jispiċċaw fiha, flimkien ma’ kelb.

Huwa  sostna li minkejja li għix u twieled f’Sydney, Awstralja – qalbu xorta baqgħet marbuta mal-għeruq Maltin. Missieru mill-Mosta u ommu minn San Ġiljan, snin ilu emigraw lejn l-Awstralja u flimkien ma’ ħuh James, dejjem trabbew bil-kultura Maltija madwarhom.

Julian insista li permezz ta’ dan il-film xtaq ibexxaq tieqa biex il-bqija tad-dinja tara x’inhuma l-karatteristiċi tal-Maltin. Huwa sostna li l-Maltin u l-Għawdxin u l-kultura li ssawwarna huma ferm għal qalbu u għal qalb il-familja tiegħu.

Huwa saħaq li filwaqt li dan il-film huwa mmirat għal udjenza Maltija, b’ċertu referenzi li l-Malti biss se jkun kapaċi jifhem – Julian qal li se jkun qed jolqot lil ċittadini ta’ nazzjonalitajiet oħra għat-tip ta’ ġeneru tiegħu.

Julian Galea, li flimkien ma’ ħuh jinterpreta fl-irwol prinċipali, spjega li l-idea wara dan il-film nibtet minn sketches qosra li snin ilu b’filmati li kienu jiġbdu fil-karozza u jippubblikawhom fuq is-sit ta’ Youtube.

Brothers from Malta huwa t-tielet film li Galea ħadem u li għandu konnessjoni ma’ pajjiżna b’Made in Malta u Love in Paradise ikunu miġbuda f’pajjiżna stess. Huwa spjega li għad-differenza ta’ dawn iż-żewġ films preċedenti dan huwa film komiku li ċertament jappella għall-familja kollha.

Huwa saħaq li wara sentejn ta’ pandemija, l-għan ta’ dan il-film huwa li jġib dik l-allegrija meħtieġa u li toħroġ mis-swali taċ-ċinema bi tbissima.

Fl-aħħar jiem Brothers from Malta ntwera wkoll fil-Gozo Film Festival fejn ir-rispons ta’ dawk preżenti kien wieħed pożittiv ferm bl-aktar li tispikka tkun l-awtentiċità tal-karatteristiċi ewlenin tal-Malti barra minn xtutna.

Brothers from Malta se jkun qiegħed jixxandar mill-31 ta’ Awwissu fis-swali taċ-ċinema lokali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u mistenni jixxandar ukoll fis-swali taċ-ċinema fl-Awstralja fix-xhur li ġejjin.