Futbol Sport

Ħamrun Spartans eliminati mill-Europa Conference League b’rashom mgħollija

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN SPARTANS………3

FK PARTIZAN………………….3

Ħamrun S.: H. Bonello, M. Sowe, O. Bjelicic, E. Marcelina, R. Callegari, R. Camenzuli (V. Freitas79’), M. Guillaumier (M. Fedele 79’), R. Prsa, Dodo (B. Ederson 73’), E. Mashike (I. Nedjelkovic 73’), L. Montebello (Jonny 63’)

FK PartizanA. Popovic, S. Urosevic (Z. Sehovic 80’), I.Vujacic, S. Sanicanin, S. Markovic, F. Diabate (B. Natcho 75’), L. Fejsa, M. Zivkovic, P. Andrade, R. Gomes, Q. Menig (K. Belic 70’)

Imwissija: M. Sowe 30’, I. Nedjelkovic 75’, R. Callegari 80’ (Ħ), M. Zivkovic 35’ (P)

Skorjaw: R. Prsa 27, V. Freitas 82’pen, M. Fedele 90+1’ (Ħ), R. Gomes 34’,79, S. Urosevic 72’ (P)

Referee: Jacob Kehlet (Danimarka)

Assistenti Referees: Lars Hummelgaard u Victor Skytee (Danimarka)

Wirja mill-aqwa speċjalment fl-ewwel 45 minuta kontra tim kwotat ferm aktar mill-Ispartans ma’ kinux biżżejjed biex it-tim immexxi minn Branko Nisevic ikompli javvanza fil-UEFA Conference League hekk kif fl-istadium Nazzjonali Ta’ Qali spiċċaw fi dro ta’ 3-3 kontra s-Serbi ta’ FK Partizan. Bir-riżultat ta’ 4-1 fl-ewwel leg is-Serbi għaddew b’aggregate ta’ 7-4.

Kienu Ħamrun li marru fil-vantaġġ wara 27 minuta permezz ta’ Prsa ftit qabel in-nofs siegħa logħob iżda goal kontra x-xejra tal-logħob fl-34 minuta għal Partizan temm l-ewwel taqsima fi dro ta’ 1-1. Partizan kienu aħjar fit tieni taqsima u skorjaw darbtejn oħra biex imbagħad Ħamrun naqsu d-distakk lejn l-aħħar għaxar minuti minn penalty tas-sostitut Freitas u penalty ieħor ta’ Fedele fil-91 minuta ġab l-iskor indaqs.

Kif kien mistenni Ħamrun ħarġu jfittxu l-gowl kmieni u wara biss żewġ minuti Matthew Guillaumier approfitta minn żball difensiv ta’ Partizan u wara li avvanza spara xutt lejn il-lasta, bil-goalkeeper Popovic ikollu jdawwar f’korner. Fl-10 minuta Elvis niżżel tajjeb lejn Prsa bil-Kroat l-ewwel jaqbeż lid-difensur ta’ Partizan Fejsa u minn qagħda ċentrali prova l-konklużjoni li għaddiet ftit barra. Ħamrun baqgħu aħjar mill-avversarji u fit-22 minuta Dodo ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda Popovic kien attent u laqa’ tajjeb. Ħames minuti wara Ħamrun meritatament imorru fil-vantaġġ. Kien Matthew Guillaumier li b’pass inteliġenti żmarka tajjeb lil ROKO PRSA li minn quddiem Popovic b’eleganza tefa’ fix-xibka. Kontra x-xejra tal-logħob Partizan ġabu l-gowl tad-dro fl-34 minuta meta Bonello tajjar parzjalment il-kross ta’ Zivkovic iżda l-ballun waqa’ fuq saqajn RICARDO GOMES li b’xutt mill-isbaħ għeleb għal kollox lil Bonello. Dan il-gowl ma’ tellifx mill-konċentrazzjoni ta’ Ħamrun u żewġ minuti wara minn tarf il-kaxxa reġa’ kien Guillaumier li ra x-xutt mill-isbaħ tiegħu jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.

(Ritratt ta’ Joseph Galea)

Fit-tieni taqsima l-andament beda aktar bil-mod u fit-52 minuta Elvis avvanza mal-linja u tefa’ pass insidjuż fil-kaxxa iżda sfortunatament għal Ħamrun ma sab lil ħadd f’dak li kien ikun ċans tad-deheb. Fid-59 minuta Menig jirċievi ballun fil-kaxxa iżda l-konklużjoni tal-Olandiż tgħaddi barra. Fl-64 minuta Dodo seraq ballun minn nofs il-ground u avvanza bih sa tarf il-kaxxa fejn prova xutt b’saħħtu iżda l-ballun mar għoli. Partizan mewtu kull tama Ħamruniża fit-72 minuta meta l-captain tat-tim SLOBODAN UROSEVIC daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għeleb lil Bonello. Fid-79 minuta Partizan skorjaw it-tielet gowl meta kien kross preċiż ta’ Andrade li sab lil RICARDO GOMES li minn taħt Bonello bir-ras tefa’ ġewwa. Fit-82 minuta Ħamrun naqqsu d-distakk minn penalty tas-sostitut VICINIUS FREITAS wara handsball fil-kaxxa ta’ Vujacic. Mad-disgħin minuta logħob Ederson Bruno twaqqa fil-kaxxa u Ħamrun ingħataw penalty ieħor. Din id-darba inkariga minnu MATTEO FEDELE li ma’ żbaljax u ġab il-gowl tad-dro. L-iskor baqa dak ta’ 3-3 u għalkemm Ħamrun sfaw eliminati mill-kompetizzjoni Ewropea xorta waħda ħarġu b’rashom mgħollija kemm għall-prestazzjoni f’din il-logħba kif ukoll tul l-avventura tagħhom fl-Europa Conference League.