Lokali Turiżmu

Il-Maltin qed jipreferu jsiefru lejn l-Italja

Inqas Maltin u Għawdxin qed isiefru lejn ir-Renju Unit.

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena l-aktar destinazzjoni favorita fost il-Maltin kienet l-Italja….bil-popolarita tar-Renju Unit saħansitra tonqos bin-nofs meta ċ-ċifri ġew mqabbla mal-2019; il-perjodu ta’ qabel il-pandemija.

Matul it-tieni kwart tas-sena ftit aktar minn 139,000 persuna qattgħu xi jiem ‘il bogħod minn xtutna b’aktar minn 75,600 minnhom bħala vaganza…u aktar minn 39,300 biex iżuru lil qraba u ħbieb. Aktar minn nofshom kellhom bejn il-25 u l-44 sena – għal medja ġenerali ta’ vaganza illi ittul madwar ġimgħa.

B’kollox il-vaganzi swewna aktar minn €113-il miljun; medja ta’ €815 kull persuna.

L-aktar destinazzjoni popolari kienet l-Italja b’aktar minn 54,400 persuna jivvjaġġaw lejn il-pajjiż ġar tagħna…madanakollu, minkejja li l-vjaġġaturi lejn ir-Renju Unit naqsu minn aktar minn 30,000 għal ftit inqas minn 16,000..t-tieni l-aktar pajjiż fejn btala ġiet tiswa flus kienet proprju hawn b’nefqa ta’ €907….bl-aktar pajjiż għali jkun il-Ġermanja b’nefqa ta’ €966.

Minkejja li meta mqabbel mas-sena preċedenti, inevitabbilment il-vjaġġi u l-vaganzi qiegħed jiżdiedu…xorta waħda n-numri mhux qed ilaħqu ma’ dawk tal-2019. Dan hekk kif fl-ewwel sitt xhur ta’ dik is-sena kienu siefru aktar minn 305,000 persuna ‘il barra minn xtutna….filwaqt li matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena kienu ftit aktar minn 227,000.