Il-poplu Britanniku għadu xxukkjat dwar il-qtil ta’ tifla ta’ disa’ snin minn tiri ta’ arrma waqt li ommha kienet qed tissara ma’ żewġ irġiel stranġieri li kienu daħlulha d-dar.
Il-qtil taċ-ċkejkna Olivia Pratt-Korbel seħħ fil-belt ta’ Liverpool matul il-lejl tat-Tnejn u qed jitqies bħala l-agħar reat tas-sena fil-pajjiż. Dan waqt li l-Pulizija ta’ Merseyside ħalfu li mhumiex se jistrieħu sakemm jinqabad il-qattiel li rnexxielu jaħrab u li x’aktarx mgħadux jgħix l-Ingilterra.
L-awtoritajiet, issa, qed jappellaw lill-qattiel biex iċedi lill-pulizija, fost sinjali li ‘l-investigazzjoni għandha tissarraf dalwaqt f’riżultati konkreti’.
Jaħsbu li t-tifla nqatlet f’ħin meta ż-żewġ irġiel kienu qed jippruvaw jasassinaw lil traffikant tad-droga, bl-isem ta’ Joseph Nee, u li spiċċa jidħol bil-forza fid-dar ta’ Olivia waqt li segwit mill-aggressuri. L-omm, li spiċċat midruba f’idejha, ma kienet taf lil ħadd mill-irġiel – bit-tiri li qatlu lil bintha jseħħu waqt li l-mara kienet qed tipprova tagħlaq il-bieb fost il-paniku u konfużjoni.
Intant, Joseph Nee ukoll indarab fl-istess inċident u kellu jiddaħħal l-isptar għall-kura wara li salvawh sħabu. Dan waqt li sħabu ħarbu minn fuq il-post mingħajr ma taw l-iċken għajnuna lit-tifla li spiċċat tmut f’idejn ommha.
//= $special ?>