“Il-PN se jibqa jagħti prijorità ewlenija lill-futur tal-istudenti”
Il-fatt li l-Gvern lest iqaċċat aktar minn miljun ewro mill-fondi mgħotija lill-Università ta’ Malta huwa aġir inaċċettabbli, irresponsabbli, inġust u diżgustanti. F’pajjiż li jħares lejn għada b’ottimiżmu…qatt m’għandek tissikka ċ-ċintorin mas-settur tal-edukazzjoni u r-riċerka.
Hekk sostna d-Deputat Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, fejn insista li bħala oppożizzjoni l-Partit Nazzzjonalista se jkun qiegħed jagħmel minn kollox sabiex l-Università taħdem bl-aħjar mod possibbli u jkollha l-fondi kollha neċessarji.
Dan wara li fil-jiem li għaddew ġie żvelat mill-istess Deputat li r-Rettur tal-Università kien avża li l-fondi allokati mill-Gvern lill-Universita kienu se jonqsu b’aktar minn miljun ewro.
Justin Schembri saħaq li l-Partit Nazzjonalista determinat li l-edukazzjoni tkompli tkun l-ogħla prijorità fl-aġenda tiegħu filwaqt li stqarr li mill-banda l-oħra għall-Gvern li jbiddel MInistru tal-Edukazzjoni kull sentejn mhux sorpriża li beda b’passi tal-awsterità mal-istudenti.
Dan filwaqt li insista li l-aġir tal-Gvern ta’ Abela mhux biss sab kundanna iebsa mill-Partit Nazzjonalista iżda anke mill-KSU flimkien ma’ 25 għaqda studenteska li jirrappreżentaw 12-il elf student universitarju.
Mill-banda l-oħra Jerome Caruana Cilia stqarr li kollox jidher li l-perjodu tal-Aqwa Żmien spiċċa u issa l-Gvern se jkun qiegħed idur għall-but iċ-ċittadin. Huwa insista li l-Ministru tal-Finanza Clyde Caruana ħabbar li jrid inaqqas mal-€200 miljun mill-budget allokat għal din is-sena u għaldaqstant b’mod inevitabbli staqsa mnejn se jkun qiegħed iqaċċat aktar fondi. Mil-liem settur kien se jnaqqas il-fondi suppost allokati mill-Gvern?
Huwa insista li l-Gvern tal-Labour spiċċa ra żejjed l-edukazzjoni tal-istudenti minflok it-tberbiq frivolu ta’ propoganda tal-Ministri jew l-ħela biex igawdu tal-qalba u l-ftit individwi qrib il-kuriduri ta’ Kastilja.
Dan filwaqt li sostna li l-Gvern ma tax każ l-appelli tal-esperti u tal-Partit Nazzjonalista biex minn Mejju jħabbar mini budget sabiex jindirizza l-ħtiġijiet tal-familji maltin u Għawdxin u n-negozji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ żieda fil-prezzijiet u inflazzjoni li s’issa għadha ma sabitx limitu. Minflok spiċċa jieħu passi ta’ awsterità mal-edukazzjoni tal-istudenti, l-istess studenti li preżentament qed iħabbtu wiċċhom ma riskju ta’ żieda qawwija fi prezzijiet u kirjiet…waqt li jifirxu l-ewwel passi fid-dinja tax-xogħol.
//= $special ?>