Lokali

Ir-raġel imfittex huwa suspettat bil-qtil ta’ Mario Farrugia fost lista twila ta’ reati oħra

Il-Pulizija tinsab għaddejja bi tfittxija ta’ Ramzi Adulhafid Ib Abukem li jinsab imfittex mill-Pulizija hekk kif huwa wieħed mill-isuspettati ewlenin fil-qtil ta’ Mario Farrugia, ir-raġel li nstab bla ħajja f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi fil-5 ta’ April.

Permezz ta’ evidenza kemm forensika kif ukoll minn kameras tas-sigurtà ġew arrestati 4 persuni, fosthom il-Libjan li tul l-aħħar snin kien involut f’diversi reati kriminali.

Lura fl-2018 Ib Abukem kien ġie akkużat bil-qtil ta’ Mahmoud Elmejdi fil-Ħamrun. Dan ifisser li l-persuna mfittxija kien akkużat f’żewġ każi ta’ qtil…filwaqt li kien ukoll akkużat fi 3 każi ta’ serq – fosthom fl-2017 u tnejn oħra fl-2019…fejn kien akkużat li seraq familja b’arma fuqu u 3 persuni oħrajn waqt li kien qed jheddidhom b’sikkina.

Dawn l-aħħar reati kien għamilhom waqt li kien barra fuq libertà proviżorja.

Filwaqt li l-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex iżomm l-attenzjoni, kelliema għall-Pulizija ma żvelawx ma’ Net News kemm ilu ma jiffirma fl-għassa….hekk kif jinsab nieqes waqt li jinsab barra fuq libertà proviżorja.

Kull min għandu xi informazzjoni dwar fejn jista’ jkun qiegħed Ib Abukem għandu jagħmel kuntatt mal-Korp minnufih….anke b’mod anonimu.