Lokali

Konfermat li l-katavru li nstab f’Birżebbuġa huwa ta’ Carmelo Fino

Il-Pulizija kkonfermat li l-ġisem bla ħajja li nstab f’Birżebbuġa, biswit Għar Dalam, huwa dak ta’ Carmelo Fino, l-anzjan ta’ 83 sena li f’nofs ta’ lejl kien ħareġ mir-Residenza San Vinċenz de Paule.

Fi stqarrija uffiċjali l-Pulizija spjegaw li Charlie Fino, ir-raġel li kien irrapportat nieqes fit-28 ta’ Ġunju kien instab bla ħajja fil-15 ta’ Lulju fi Triq Għar Dalam f’Birżebbuġa.

Dan ifisser li wara aktar minn xahar ta’ stennija għad-DNA issa kien kkonfermat mir-riżultati li l-katavru misjub kien proprju ta’ Fino.

Il-Pulizija spjegaw li l-analiżi forensika ħadet fit-tul minħabba l-fatt li l-ġisem kien instab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni u ma setax jiġi idenfitikat mill-ewwel. S’issa mhux magħruf kemm sfortunatament kien ilu jiem mejjet f’dik iż-żona f’Birżebbuġa.

Madanakollu, mill-awtopsja li kienet saret irriżulta li ma kienx hemm l-involviment ta’ terzi persuni li l-mewta ma kinitx waħda suspettuża.

Għaldaqstant, issa l-qraba ta’ Fino jistgħu jagħtu difna xierqa lill-qarib tagħhom, difna denja wara t-tiġrib kollu li għaddew minnu minn dik l-għodwa tat-28 ta’ Ġunju.

Intant, il-Pulizija għadha għaddejja bi tfittxija ta’ Salvu Bonnici ta’ 70 sena li kien deher l-aħħar fil-Gudja u kien ġie nieqes fl-istess perjodu li kien irrapportat l-għibien ta’ Carmelo Fino.