Il-Partit Nazzjonalista ikkundanna bla riservi d-diskriminazzjoni li seħħet mal-Kunsillier ġdid Mario Azzopardi meta minħabba nuqqasijiet ta’ aċċessibilità fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Gżira dan ma setax jattendi għall-ewwel laqgħa tiegħu u jieħu l-ġurament ta’ ħatra.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputati Graziella Attard Previ u Darren Carabott, u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri PN Charles Bonello.
Aktar tard, f’reazzjoni fuq Facebook, is-Sindku Laburista Konrad Borg Manche ikkonferma li l-binja mhix aċċessibbli. U kkonferma wkoll li l-lift ilu kważi sena mhux jiffunzjona.
Is-Sindku spjega li hu stess informa b’din is-sitwazzjoni lill-Kummissarju tal-Persuni b’Diżabbiltà (CRPD), lil President tal-AKL kif ukoll lil Segretarju permanenti. Għalkemm meta kellimna lill-Kummissarju tas-CRPD fit-3pm hi stess qaltilna li ma tafx bil-każ u li se tinvestiga.
Il-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu qed jesiġi li hemm bżonn li tintrefa’ responsabbiltà għal dan in-nuqqas kbir ta’ rispett u ugwaljanza, fejn minħabba n-nuqqasijiet fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali tal-Gżira saret diskriminazzjoni ma’ persuna b’diżabilità u Kunsillier Lokali elett mill-poplu.
Kull persuna għandu jkollha d-dritt għall-aċċess liberu u komdu għal-laqgħat tal-Kunsill Lokali, u fl-istess waqt m’għandix issir diskriminazzjoni ma’ Kunsilliera Lokali għaliex għandhom xi diżabilità.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq għall-azzjoni immedjata sabiex din id-diskriminazzjoni tieqaf immedjatament u jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex din ma tirrepeti ruħha qatt fl-ebda post pubbliku f’Malta, li dejjem ghandu jkun accessibli.
Stqarrija mill-Kunsillieri tal-PN
Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista tal-Gżira, Jeremy Cardona, Jessica Borg u Hugh Caruana talbu li ma titkompliex il-laqgħa tal-Kunsill Lokali li saret aktar kmieni din il-ġimgħa minħabba żewġ raġunijiet: peress li l-aġenda u dokumenti li suppost jintbagħtu lill-Kunsillieri ħames t’ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa waslu għand il-kunsillieri fl-istess ġurnata tal-laqgħa u minħabba li l-Kunsillier elett ġdid f’isem il-PN Mario Azzopardi ma ngħatax il-ġurament tal-ħatra minkejja li ilu elett fil-Kunsill Lokali tal-Gzira permezz ta elezzjoni każwali sa mis17 ta Awwissu.
Minbarra dan, il-Kunsillieri ilmentaw ukoll li l-Kunsill Lokali ma kienx aċċessibbli peress li llift li hemm installat fil-bini tal-Kunsill ilu wieqaf għal perjodu ta’ żmien u dan minkejja li lamministrazzjoni tal-Kunsill Lokali kienet taf li Azzopardi huwa persuna b’abilitajiet partikolari.
Dawn it-talbiet ma sabux l-oġġezzjoni ta Kunsillieri Laburisti u għalhekk il-laqgħa ġiet posposta. Il-Kunsillieri Nazzjonalisti ilhom jisħqu ħafna li l-Kunsill Lokali tal-Gzira mhuwiex jiffunzjona tajjeb tant li wara bosta ilmenti, saret laqgħa mad-Direttur Ġenerali tad-Divizjoni tal-Kunsilli Lokali fejn ġew espressi numru ta nuqqasijiet li uħud minnhom qed ixekklu lillKunsillieri Lokali tal-Gzira mill-qgħadi ta’ dmirijiethom.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Jeremy Cardona, Jessica Borg u Hugh Caruana insistew li minkejja dawn in-nuqqasijiet qisu jidher li l-awtoritajiet mhuwiex jieħdu azzjonijiet kif suppost fost loħrajn fil-konfront tal-Aġent Segretarju Eżekuttiv sabiex jassiguraw li l-Kunsill Lokali jiffunzjona skond kif stipulat fil-liġi.
Dwar l-aċċessibilita, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista jenfasizzaw ukoll li għandu jkun assigurat li l-Kunsill Lokali għandu jkun aċċessibli dejjem u f’kull ħin pero iktar u iktar issa li wieħed mill-Kunsillieri eletti juża s-siġġu tar-roti. Minkejja kollox, għandu jkun assigurat li dan il-Kunsillier elett ġdid mhux biss m’għandux ikun imxekkel minħabba l-bzonnijiet partikolari tiegħu iżda għandu jingħata l-appoġġ u s-sostenn kollu sabiex ikun jista jiffunzjona bl-iktar mod effettiv. Barra dan, huma nsistew ukoll li għandu jingħata l-ġurament b’mod immedjat mingħajr ma jinħela iktar żmien.
//= $special ?>