L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta niżel f’Lulju li għadda. Dan meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, għalkemm baqa’ mal-medja storika tiegħu.
Meta mqabbel ma’ Ġunju, is-sentiment iddeterjora fis-setturi kollha koperti mill-istħarriġ, ħlief fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.
Dawn ir-riżultati ekonomiċi ġew preżentati fir-Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li ġie ppubblikat illum.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet 6.8% f’Lulju, aktar minn 6.1% fix-xahar ta’ qabel.
L-inflazzjoni bbażata fuq lIndiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet ukoll għal 6.8% f’Lulju minn 6.2% ix-xahar qabel.
F’Ġunju, il-produzzjoni industrijali naqset f’termini annwali, għalkemm b’rata inqas mgħaġġla meta mqabbla ma’ Mejju.
L-Economic Update tal-Bank Ċentrali ta’ Malta juri wkoll kif f’Lulju, kemm in-numru ta’ konvenji kif ukoll il-kuntratti ta’ bejgħ ta’ propjetà naqsu meta mqabbel ma’ senu ilu.