Il-Gvern tal-Ukrajna kkundanna l-aħħar atroċità tal-qawwiet Russi li, fl-aħħar sigħat, sparaw il-missili lejn stazzjon tal-ferrovija fil-belt ta’ Chaplyne, bir-riżultat li mietu talanqas 30 u b’għexieren oħra jindarbu. L-attakk fuq din il-belt fir-reġjun ta’ Dnipropetrovsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna, seħħ matul il-lejl tal-Erbgħa u meta l-poplu Ukren kien qed jikkonkludi ċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum l-Indipendenza.
Sadanittant, it-Tmexxija Ukrena qalet li l-isparatura tal-missili fuq l-istazzjon kienet eżempju ieħor ‘tal-politika vendikattiva u brutali’ tal-Kremlin’ fir-rigward tal-poplu Ukren. L-istqarrija kompliet li t-truppi tal-President Russu Vladimir Putin qegħdin juru disrispett assolut għall-ħajja tan-nisa, it-tfal u membri vulnerabbli oħra tas-soċjetà.
Min-naħa tagħha, ir-Russja qalet li l-qawwiet tagħha laqtu ferrovija militari li kienet qed iġġorr il-mijiet tat-truppi Ukreni u li — dejjem skont il-kelliema tal-Kremlin — ‘kienu fi triqthom lejn il-kampijiet ta’ battalja fir-reġjun tad-Donbas’.
Fl-istess ħin, ir-Russja – kuntrarju għall-indikazzjonijiet — qed tkompli tiċħad li qed tmexxi gwerra kontra ċ-ċivili fl-Ukrajna. Dan meta l-kelliema f’Moska ċaħdu wkoll li qegħdin jimmiraw għall-infrastruttura ċivili fid-diversi bliet Ukreni.
Sadanittant, il-Kummissarju għad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, Michelle Bachelet, sejħet direttament lill-President Putin biex iwaqqaf l-attakki fuq l-Ukrajna.
Dan meta fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li mietu l xi tfal fl-attakk fuq l-istazzjon tal-ferrovija – bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, jirrapporta din l-atroċità waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Zelensky spjega li hu sar jaf għall-ewwel darba b’dan l-attakk proprju waqt li kien qed iħejji d-diskors għal din il-laqgħa. Il-President, imbagħad, tenna, b’leħen mimli ironija, li ‘dan kien il-mod tipiku ta’ kif ir-Russja ppreparat għal din il-laqgħa partikulari’ u wara li Moska kienet oġġezzjonat għall-parteċipazzjoni ( fil-laqgħa) tal-Mexxej Ukren.
Kien mistenni li jiżdiedu l-vittmi tal-attakk fuq l-istazzjon u meta mifhum li talanqas ħames persuni kienu ridotti ‘f’munzelli ta’ ġmied’ waqt li kienu f’vagun ta’ ferrovija li ntlaqat direttament minn missila tar-Russi,
Iċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum l-Indipendenza fl-Ukrajna nżammu fuq livell anqas mis-soltu fost it-twissijiet tal-President Zelensky li r-Russja kienet qed taħseb f’xi azzjoni krudili kontra l-Ukreni, bil-ħsieb li tħassrilhom il-festi.
Zelensky anki akkuża lit-truppi tal-Kremlin b’li qegħdin jibdlu l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia – li hi l-akbar faċilità nukleari fl-Ewropa – f’zona ta’ gwerra. Il-messaġġ huwa ċar li l-militar ta’ Putin, bl-aġir tiegħu, qed jipperikola lir-reġjun u lir-residenti kollha tal-Ewropa li, illum, jinsabu f’xifer ta’ katastrofi minħabba l-possibbiltà li l-atmosfera timtela bil-mewġ tar-radjazzjoni.
//= $special ?>

