Knisja Lokali Qorti

Ix-xhieda kollha jfaħħru lil Fr Luke Seguna u jgħidu li taw il-flus minn qalbhom – jingħata l-libertà proviżorja

In-nies ta' Marsaxlokk ifaħħru x-xogħol tal-kappillan tagħhom

Il-Qorti tat il-libertà proviżorja lil Fr Luke Seguna hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tal-kappillan ta’ Marsaxlokk.

L-ewwel xhud li ssejjaħ dalgħodu kien l-amministratur tal-Kurja, Michael Pace Ross, li jieħu ħsieb fost l-oħrajn il-finanzi tal-Knisja f’Malta. Hu spjega fit-tul kif jaħdmu l-parroċċi u kif topera l-Arċidjoċesi fuq livell ta’ finanzi u donazzjonijiet.

Ix-xhud ikkonferma li mill-2016 ħadd qatt ma ġibed l-attenzjoni dwar xi nuqqasijiet minn naħa ta’ Fr Luke Seguna. Pace Ross stqarr li l-kontijiet ġew dejjem awditjati u approvati, u qatt ma nstab xejn ħażin. Għalkemm aktar tard imbgħad, ix-xhud semma’ każ wieħed fl-2017 meta kien intbgħat email lil Fr Luke dwar ċertu ħlasijiet.

Pace Ross qal li bħalissa għaddej proċess ta’ awditjar intern.

Fil-Qorti xehed sid ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni illi spjega kif hu kien jgħin lil Fr Luke b’donazzjonijiet, għaliex kien jaf kemm jagħmel ġid fil-parroċċa. Hu qal li ta ċekk lill-kappillan, iżda qatt ma talbu irċevuta.

Xhieda oħra kienu parruċċani li tul is-snin taw donazzjonijiet lill-kapillan. Huma qalu li ħafna mill-flus kienu qed jiġu mogħtija biex isir titjib fil-knisja ta’ Marsaxlokk, jew biex Fr Luke jgħin lin-nies fil-bżonn.

Fosthom, kien hemm sajjied illi stqarr b’mod dirett illi hu jafda lil Fr Luke, u mhux lill-Kurja.

Xhieda oħra kienet ta’ raġel anzjan minn Marsaxlokk illi qal li jafda lil Fr Luke 200%.

Fis-seduta dehru wkoll rappreżentanti ta’ diversi banek, li preżentaw numru ta’ dokumenti lill-Maġistrat.

Intant, il-Qorti aċċetta li l-Knisja tidħol parti mill-kawża li qed issir fil-konfront ta’ Fr Luke Seguna, illi jinsab akkużat b’miżapropjazzjoni u ħasil ta’ flus.

Miċħuda talba biex is-seduta ssir fil-magħluq

Is-seduta li għaddejja dalgħodu fil-Qorti ġiet sospiża għal xi ħin sakemm il-Maġistrat tat deċiżjoni jekk il-każ tal-kappillan ta’ Marsaxlokk għandux jinstema’ fil-magħluq.

Il-Maġistrat ċaħdet din it-talba. Ċaħdet ukoll talba biex ix-xhieda jagħtu t-testimonjanza tagħhom permezz ta’ video conferencing.

Aktar kmieni

Dalghodu fil-Qorti qed ikompli l-każ ta’ Fr Luke Seguna li jinsab akkużat b’ħasil ta’ flus, miżapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li dan il-każ jinvolvi 150 persuna u ammonti li jitilgħu għal €500,000. Intqal ukoll li l-akkużat kellu ħames muturi u żewġ karozzi. Kellu tkoll 10 kontijiet bankarji u nefaq €150,000 fuq numru ta’ siti elettroniċi.

Id-difiża minn naħa tagħha spjegat kif dan il-każ kisser lis-saċerdot. “Ħajti spiċċat” – dan kien il-kliem eżatt illi kien kwotat illi qal Fr Luke Seguna lill-avukat tiegħu.

Fil-bidu tas-seduta tal-lum, l-avukat Stefano Filletti talab li l-Kurja tidħol parti mill-kawża għax sfat vittma tal-allegati azzjonijiet li twettqu mill-kappillan ta’ Marsaxlokk. L-avukat Filletti stqarr li l-Knisja kienet milquta sew minn din l-istorja.

L-avukat Matthew Xuereb minn naħa tiegħu talab li ċertu xhieda jinstemgħu bil-magħluq.

Stqarr ukoll li kellu ċertu riservi fuq il-mod li bih qed ikun rappurtat dan il-każ mill-media. Hawn, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li ma jaqbilx għaliex il-prinċipju ta’ “ġustizzja” m’għandhux jillimita r-rappurtaġġ tal-ġurnalisti.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Skont il-Kurja, sakemm għaddejin dwan il-proċeduri, is‑saċerdot tpoġġa fuq administrative leave b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejjin il‑proċeduri. 

Fr Luke Seguna kien ilu kappillan f’Marsaxlokk mill-2016, u ħafna parruċċani kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod li bih kien imexxi l-parroċċa tagħhom. B’uħud kienu stqarrew ma’ Net News illi inħasdu meta ħarġet l-aħbar ta’ Fr Luke.