“Sirna nafu bir-risposta tal-Avukat Ġenerali jumejn ilu biss…minkejja li ngħatat fil-25 ta’ Lulju.”
Sostniet dan l-Għaqda Non Governattiva Repubblika wara li f’ittra iffirmata mill-Avukat Fiorella Fenech Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali l-istess uffiċċju saħaq li mhux fil-kompita tal-għaqda biex tikteb dwar id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma tmexxix kontra l-persuni kollha msemmija fil-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali tal-Pilatus Bank.
Fl-ittra jingħad li Repubblika ma tikkwalifikax bħala l-parti offiza ai termini tal-artikolu 469B tal-Kapitlu 12 tal-liġijiet ta’ Malta.
B’reazzjoni għal dan f’ittra ffirmata mill-Avukat Jason Azzopardi fejn ingħad li Repubblika mhux talli għandha dritt, iżda dmir bħala għaqda mmexxija minn nies li jħalsu t-taxxi f’Malta li jaraw li dak li ħareġ mill-Inkjesta li swiet €7.5 miljun…iseħħ u jiġi implimentat. Dan filwaqt li ddeskrivew l-aġir tal-Avukat Ġenerali bħala wieħed tal-mistħija li jkompli jiżgura l-impunità għall-kriminali korrotti involuti fit-tmexxija tal-istess Pilatus Bank.
Ir-risposta tal-Avukat Ġenerali tkompli tispjega li Repubblika, qabel ma mexxiet b’din l-ittra uffiċjali, kienet taf li setgħet titlob lill-Avukat Ġenerali bil-miktub biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni…u ta’ dan kellha ċans ta’ xahar sħiħ. Iżda, kompliet ir-risposta..dan ir-rimedju ma kienx utilizzat.
Dan filwaqt li ġie spjegat li l-allegazzjonijiet magħmula minn Repubblika huma nfondati b’konklużjonijiet mgħaġġla bil-konsegwenza li tħammeġ b’argumenti bla bażi u inġusti lill-Avukat Ġenerali.
Fir-risposta tagħha, Repubblika saħqet li dejjem imxiet skont il-liġi u ddeskriviet l-argument tal-Avukat Ġenerali bħala patetiku u ddeskriviet l-aġir tagħha bħala skuża biex tevita li twieġeb għal għemilha. Dan filwaqt li insistew li l-Avukat Ġenerali fl-ebda mument ma ċaħdet dak li ingħad minn Repubblika.
FL-ittra, jingħad li Repubblika qed tkun diffidata u mwissija milli tkompli bi proċeduri ulterjuri fil-konfront tal-Avukat Ġenerali u ġew imwissija biex tirregola ruħha..bl-ispejjeż.
Repubblika hawnhekk staqsiet għalfejn lil ħuta ż-żgħira tkun b’saħħitha magħha iżda lil ħuta l-kbira tifirxilha t-tapit l-aħmar.
Għaldaqstant ġie spjegat li fetħu rikors bl-ewwel seduta tkun fit-30 ta’ Settembru.
//= $special ?>