Edukazzjoni Lokali

Studenti u akkademiċi mħassba bit-tnaqqis fil-budget tal-Università

Il-President tal-KSU tgħid li l-istudenti huma frustrati u diżappuntati

Il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji Alexandra Gaglione qalet li l-istudenti jinsabu frustrati u diżappuntati bit-tnaqqis li tħabbar fil-budget tal-Universita.

Gaglione tkellmet ma’ Net News wara li  ġie żvelat li l-Università se tkun qed tara tnaqqis ta’ 1.1 miljur Ewro mill-budget tagħha għas-sena li ġejja.

Il-President tal-KSU lmentat għall-fatt li l-11,300 student Universitarju se jbati minn servizz ta’ kwalità inferjuri minħabba dan it-tnaqqis fil-fondi minn naħa tal-Gvern.

Hi staqsiet jekk din hux eċċezzjoni ta’ darba, jew jekk hux se tkun xi ħaġa li ssir regolarment.

Il-President tal-KSU qalet li filwaqt li ntqal li mhux se jkun hemm tnaqqis f’ċertu setturi, sa issa ma kienx hemm assigurazzjoni li mhux se jonqsu l-fondi għar-riċerka.

Mhux l-istudenti biss imħassba dwar il-possibilità li tkun propju r-riċerka li tlaqqat l-aktar daqqa ta’ dan it-tqaċċit fil-budget, kif spjegalna l-Professur Carmel Borg.

Borg fakkar li l-budget għar-riċerka f’pajjiżna diġà hu wieħed pjuttost baxx meta mqabbel ma pajjiżi oħra Ewropej, u li r-riċerka li tagħti isem u prestiġu lil Università.

Qabel din id-deċiżjoni, l-KSU tenna li l-Università ta’ Malta diġa kellha diversi problemi finanżjarji, u dan se jkompli jxekkel aktar billi ma jsirux servizzi essenzjali bħal librerija li topera 24 siegħa kuljum – kwistjoni li l-KSU ilu jinsisti dwarha.