Lokali

Tlieta arrestati dwar attentat ta’ ħruq ta’ dgħajsa

Żewġt irġiel u mara ġew arrestati dwar allegatament attentat ta’ ħruq ta’ dgħajsa fid-29 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu fix-Xatt ta’ Tas-Sliema.

Fl-imsemmi data, il-Pulizija flimkien ma’ membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew mitluba biex jassistu wara li persuni fiż-żona kienu raw xi persuni jwaddbu oġġett jaqbad fuq dgħajsa li kienet sorġuta malmoll.

In-nirien intfew minnufih minn persuni li nzertaw fiż-żona, filwaqt li l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili żguraw li ma kienx hemm aktar periklu.

Investigazzjonijiet mill-Arsons Unit fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u dawk tad-Distrett ta’ Tas-Sliema wasslu għall-arrest ta’ tliet persuni.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.