Edukazzjoni Lokali

“Dawk il-flus huma meħtieġa għall-Università” – MUT

“La darba l-Università għamlet il-budget tagħha, mela dawk il-flus huma meħtieġa”

Hekk stqarr il-President tal-MUT Marco Bonnici meta ma’ Net News kien qed jirreagixxi għat-tnaqqis fil-budget tal-Gvern lill-Università ta’ Malta fejn sostna li din l-istituzzjoni edukattiva jeħtieġ tiffunzjona kif suppost.

Marco Bonnici qal li l-Università tkun talbet dak il-budget għal raġuni – u għax hekk jeħtieġ.

Tenna li fl-aħħar snin l-Univerisità ma ntużatx biss għall-edukazzjoni, iżda ċertu swali ġew użati wkoll fl-eqqel tal-perjodu tal-Covid. U dan kollu ħalla impatt fuq ir-risorżi preżenti.

Il-President tal-MUT appella biex din il-problema tkun solvuta, u li ma jkunx hemm tnaqqis fil-fondi.

“L-Università għandha l-ħtiġijiet tagħha u nemmnu li għandu jsir kull sforz biex id-differenza fil-budget tkun solvuta”

Marco Bonnici qal li bħala MUT issa jridu jaraw kif dan in-nuqqas ta’ fondi se jkun qiegħed jaffetwa lill-istudent.

“Aħna tajnihom l-assigurazzjonijiet li ngħataw lilna fuq bażi ta’ salarji, minn hemm ‘il quddiem fejn jidħol ir-risorżi u kif jidħlu l-fondi, nittamaw li ma jkunx hemm hemm detriment li jaffetwa t-tgħallim u l-istudent

Anke l-KSU fl-aħħar sigħat ilmenta dwar dan it-tnaqqis fil-flus għall-Università, għaliex se jkunu l-istudenti Universitarji jbatu minn servizz ta’ kwalità inferjuri minħabba din il-mossa ta’ awsterità.