Il-Pulizija sabu disa’ pilloli ecstasy fuq żagħżugħ li nhar il-Ħamis waqt li kien qed jikser ir-regoli tal-parkeġġ f’San Ġiljan. Dan wassal biex Abdul Rahim Bashar, ċittadin Libjan ta’ 21 sena mingħajr indirizz fiss kien akkużat b’pussess illegali tad-droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba biss għall-użu personali tiegħu.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.15am, meta uffiċjali tal-pulizija tal-komunità lemħu karozza li kienet ipparkjata illegalment fi Triq id-Dragonara. Huma avviċinaw il-vettura biex jieħdu passi fuq l-irregolarità tat-traffiku iżda nnutaw li l-persuna ġewwa l-karozza kienet qed iġib ruħu b’mod suspettuż.
Fil-pouch tar-raġel instabu disa’ pilloli ecstasy wara tfittxija li saret. Megħjun minn interpretu li jitkellem il-Libjan, iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati. L-avukat tiegħu, Rene’ Darmanin, ma għamel l-ebda talba għal libertà proviżorja f’dan l-istadju u l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, żammet lill-akkużat arrestat.
//= $special ?>