Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs kull wieħed fuq ħasil ta’ flus u serq minn residenzi

Żewġt irġiel ġew ikkundannati erba’ snin ħabs kull wieħed wara li ammettew li wettqu serq u ħasil ta’ flus. Valdas Martinaitis ta’ 31 sena mil-Litwanja u Kakhaber Lomtadze ta’ 45 sena mill-Ġorġja. ammettew li ħadu sehem fi grupp ta’ persuni nvolut f’attivitajiet kriminali u fuq ħasil ta’ flus.

Huma nstabu ħatja wkoll li f’Mejju 2019 serqu flus u ġojjelli minn appartament f’Pembroke u li f’Ġunju tal-istess sena ppruvaw jisirqu minn dar fil-Fgura u żewġ appartamenti f’Pembroke. Martinaitis waħdu ammetta li f’Mejju 2019 seraq minn tliet idjar f’Birżebbuġa u minn tlieta oħra f’Marsaxlokk u pprova jisraq minn żewġ residenzi f’Birkirkara.

Huma kienu nqabdu fil-Fgura, meta l-pulizija marru fuq il-post wara li residenti nnotaw movimenti suspettużi fuq il-bjut u ffilmjawhom. Malli lemħu lill-pulizija, l-akkużati kienu ppruvaw jaħarbu, b’wieħed minnhom qabeż mill-għoli f’tentattiv biex jaħrab. Fil-fatt meta tressqu l-Qorti tliet snin ilu l-Litwan kien fuq wheelchair wara li weġġa.

Minbarra l-kundanna ta’ erba’ snin ħabs kull wieħed il-Maġistrat Gabriella Vella mmultat lil Lomdatze €2,100 waqt li lil Martinaitis immultatu €42,831 u ordnatlu jirrifondi lill-vittmi fuq is-serqiet tiegħu s-somma ta’ €39,000. Martinaitis, kien ukoll inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li wettaq serqa minn appartament f’Tas-Sliema f’Novembru.

Kien proprju arloġġ Rolex, li nstab fuq l-akkużat, li ġie rrapportat nieqes fl-istess serqa li wassal lill-akkużat biex jiġi arrestat u mressaq il-Qorti b’akkużi ġodda. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino, Shawn Pawney u Paul Camilleri.