Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, żvela li l-Ewropa – u ssussegwentement id-dinja – kienu qed jiffaċċjaw il-prospett reali ta’ diżastru nukleari ieħor fuq l-istess livell tad-diżastru ta’ Chernobyl li seħħ f’nofs is-snin tmenin.
Dan wara li l-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia – li ilu l-ġimgħat okkupat mill-militar Russu – spiċċa skonnettjat minn mal-infrastruttura tad-dawl fl-Ukrajna. Intant, kienet evitata biss traġedja ladarba l-faċilità setgħet tibbaża fuq sors ta’ enerġija li kien qed jinżamm f’riserva u ppermetta biex il-funzjoni tagħha tkompli bħas-soltu. Dan ukoll wara li l-faċilità kienet inqatgħetilha l-elettriku minħabba l-ħsarat fil-linji tad-dawl dovuti għan- nirien fl-inħawi.
It-truppi tar-Russja, fl-aħħar jiem, kienu qed jużaw din il-faċilità bħala bażi minfejn jattakkaw lill-qawwiet Ukreni flimkien maz-zoni ċivili fil-madwar. Fl-istess ħin, id-dinja tinsab imħassba dwar il-ġlied li għaddej bħalissa fil-limiti ta’ dan il-kumpless li hu anki l-akbar faċilità nukleari fl-Ewropa.
Il-President Zelensky spjega li ‘ir-reazzjoni ta’ wara l-blackout’ kienet possibbli biss grazzi għall-ġeneraturi tad-diesel fil-kumpless li kienu attivati b’suċċess u li, fl-istess ħin, evitaw li joħorġu l-mewġ tar-radjazzjoni qattiela.
Il-kumpannija nukleari tal-Istat Ukren fl-aħħar sigħat ikkonferma li kienet għaddejja ħidma biex ir-reatturi attivi fil-faċilità ta’ Zaporizhzhia ikunu konnessi mill-ġdid mal-power grid tal-pajjiż. Dan meta l-erba’ reatturi l-oħra ta’ Zaporizhzhia ilhom inattivi għall-parti kbira tal-gwerra.
Filwaqt li r-ritratti meħudin bis-satellita wrew in-nirien estetnsivi viċin ħafna tal-kumpless nukleari, il-President Zelensky qal li s-sitwazzjoni kienet dovuta għall-bumbardamenti tar-Russi fuq l-inħawi. Hu enfasizza wkoll li r-reġim f’Moska, bl-aġir tiegħu, kien ressaq lill-Ukrajna u lill-Ewropa ‘pass eqreb lejn katastrofi nukleari’.
Min-naħa tagħha, ir-Russja akkużat lill-qawwiet Ukreni b’li qed jattakkaw iz-zona tal-faċilità u bir-riżultat li seħħew il-blackouts.
Filwaqt li l-kumpless ta’ Zaporizhzhia ilu minn Marzu f’idejn ir-Russi, il-faċilità għadha qed titħaddem mill-membri tal-istaff Ukren u li qegħdin ikunu suġġetti kontinwament għal theddid mis-suldati tal-Kremlin anki f’din is-sitwazzjoni perikoluża.
//= $special ?>

