Lokali

Il-PN jinsisti li l-Gvern ma jgħaddix romblu minn fuq ir-residenti tal-Imtarfa

Waqt laqgħa li suppost kellha tkun ta’ informazzjoni, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ppreżenta pjanijiet għall-proġett massiv fl-Imtarfa taċ-Ċentru Terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ imġieba. Dan il-proġett se jinkorpora fih binja ta’ wirt storiku, u estensjoni ma’ dan l-istess bini fi spazju miftuħ u pubbliku.

Fi stqarrija permezz ta’ stqarrija minn Rebekah Cilia l-Kelliema għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur, David Agius il-Kelliem għall-Politika Soċjali, Claudette Buttigieg il-Kelliema għal-Libertajiet Ċivili, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra d-Dijabeté ntqal li l-pjan tal-Gvern ġie ppreżentat mingħajr ma saret ebda konsultazzjoni, u l-messaġġ li ħareġ mill-laqgħa kien li l-Gvern għal darb’oħra se jgħaddi romblu minn fuq kulħadd għaliex il-kabinett diġà ddeċieda fuq dan il-proġett. Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li mhux kontra proġett ta’ dan it-tip, ma jistax jaċċetta li ma saret l-ebda konsultazzjoni.

Il-Ministeru prova jbiegħ dan il-proġett lir-residenti tal-Imtarfa permezz ta’ viżwali sbieħ. Madankollu, din il-faċilitá  hija ppjanata li tokkupa art pubblika, u allura jnaqqas iktar spazji miftuħa fejn wieħed jista’ jirrikrea ruħu. Huwa ċar li apparti l-art li se tinqered biex jsir dan il-proġett, ir-residenti se jkunu qegħdin jitilfu ukoll zoni madwar il-bini minħabba l-użu tal-istess binja.

Il-Ministru Michael Falzon falla milli jagħti twegibiet għall-mistoqsijiet kemm tekniċi kif ukoll dawk ġenerali li sarulu minn dawk preżenti għal-laqgħa. 

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li filwaqt li jibqa’ favur faċilitajiet aħjar, jemmen li l-konsultazzjonijiet hija kruċjali biex proġett ta’ dan it-tip isib il-bilanċ bejn il-ħtieġa li għalih se jsir u l-bżonnijiet tar-residenti.