Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ħadet azzjoni rigward l-inaċċessibbiltà tal-bini tal-kunsill lokali tal-Gżira.
Wara rapporti fil-midja li l-kunsillier il-ġdid tal-PN fil-Gżira Mario Azzopardi, ma setax jieħu l-ġurament u jattendi l-ewwel laqgħa tiegħu peress li l-bini kien inaċċessibbli u l-lift ilu kważi sena ma jaħdimx, il-Kummissjoni bagħtet ittra uffiċjali lill-kunsill lokali.
Il-Kummissjoni talbet lill-kunsill biex jipprovdilu feedback li jindika liema azzjonijiet ittieħdu biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni kif ukoll titlob pjan ta’ azzjoni, inkluż sett ta’ skedi ta’ żmien, li jindikaw meta u kif se tiġi implimentata azzjoni ta’ rimedju. Il-Kummissjoni talbet ukoll li għandhom isiru arranġamenti biex il-kunsillier ikun jista’ jipparteċipa bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-kunsill lokali, inklużi l-laqgħat tal-kunsill lokali. Saret ukoll talba għal żjara fuq il-post minn uffiċjali tekniċi tas-CRPD.
Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità stqarret li “il-bini kollu tal-Kunsill Lokali u l-pjattaformi online għandhom ikunu aċċessibbli. Dan jiżgura li persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw kemm fuq livell politiku fil-lokalitajiet tagħhom, iżda wkoll jaċċessaw servizzi pprovduti mill-Kunsilli Lokali”.
Il-Kummissjoni se tibqa’ ssegwi l-każ sakemm tintlaħaq riżoluzzjoni b’suċċess għall-persuni b’diżabilità. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità hija r-regolatur nazzjonali għas-settur tad-diżabilità f’Malta u Għawdex.
//= $special ?>