Internazzjonali

Ir-Russja: Qed taħraq kwantitajiet ta’ gass li ma jistax jinbiegħ

Sar magħruf li filwaqt li l-Ewropa qed tbati taħt il-piż tal-prezzijiet tal-enerġija li qegħdin jogħlew kontinwament, ir-Russja, fil-preżent, qed tkompli taħraq kwantitajiet kbar ta’ gass naturali.Skont analiżi bis-sehem tal-BBC News, hu kalkulat li l-impjant ta’ Portovaya qrib il-fruntiera mal-Finlandja, qed jaħraq kuljum kwantità ta’ gass  ekwivalenti għal 12-il miljun ewro.

L-esperti qalu li dan il-gass, ‘f’ċirkustanzi oħra’, kien ikun esportat lejn il-Ġermanja u l-Ambaxxatur Ġermaniż għar-Renju Unit issa qal li r-Russja qed taħraq dan il-gass proprju għaliex ma tistax tbiegħu lil ħaddieħor.

Ix-xjenzati huma inkwetati dwar il-volumi kbar tal-gassijiet (tal-carbon dioxide) u t-trab iswed li qed jintelqu fl-atmosfera u li kapaċi jikkontribwixxu għad-dawbien tas-silġ fir-reġjun Artiku.

L-analiżi minn Rystad Energy qed tindika li, fir-Russja, qed jinħarqu mal- 4.34 miljun metri kubi tal-gass fl-impjant ta’ Portovaya – lejn il-majjistral ta’ San Pietruburgu – u li fost oħrajn qed jipproċessa l-gass naturali likwidizzat.