Lokali Qorti

Is-suspettat fi ħruq ta’ dgħajsa ġie identifikat mit-tatoos tiegħu

Raġel inżamm arrestat il-Ġimgħa wara li wieġeb mhux ħati tal-involviment tiegħu fi ħruq fuq dgħajsa rmiġġata fuq ix-xatt ta’ Tas-Sliema kważi xahar ilu. Wayne Delia, ta’ 36 sena residenti Santa Venera u li ma jaħdimx, ġie mixli li volontarjament ta n-nar lid-dgħajsa, li għamel ħsara lil proprjetà ta’ terzi u li kiser tliet digrieti ta’ pleġġ. Il-Pulizija qalet t-tatoos ta’ Delia wassluha biex tarrestah u tressqu l-Qorti.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-Ispettur Mario Xiberras spjega kif kmieni fid-29 ta’ Lulju, għall-ħabta tas-1.15am, il-pulizija tad-distrett ta’ Tas-Sliema ġew informati bin-nirien abbord bastiment irmiġġat mal-baħar. Fortunatament, persuna li rat il-fjammi kienet marret abbord u neħħiet oġġett li kien qed jikkawża l-ħruq, liema oġġett deher li ntuża biex jinxtegħel in-nar, u tefgħu l-baħar.

Dak l-intervent f’waqtu żamm in-nar milli jkompli jinfirex. Ix-xhieda li kienu fil-post iddeskrivew lis-suspettat bħala persuna ta’ statura twila li kienet telgħet fuq ir-railings tad-dgħajsa. L-investigaturi sabu bott ta’ fjuwil nofsu mimli ta’ ħames litri abbord, kif ukoll fjuwil imxerred mat-tapizzerija.

Is-suspettat ġie identifikat mill-istatura tiegħu kif ukoll mit-tatoos distintivi tiegħu u nħareġ mandat ta’ arrest nhar il-Ħamis. L-avukat tal-akkużat ma għamel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti, ippreseduta mill-maġistrat Noel Bartolo, żammet lir-raġel taħt arrest preventiv. L-Ispetturi Jeffery Scicluna u Colin Sheldon mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu l-avukati difensuri. Rene’ Darmanin deher bħala parte civile f’isem is-sidien tad-dgħajjes.