Budget 2023 Ekonomija Lokali

“Kollox qiegħed ikompli jogħla”

“Din hija realta’…kollox għola, u kollox qiegħed ikompli jogħla”

Dan qalu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Charles Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet li trattat is-sitwazzjoni tal-faqar f’pajjiżna.

Charles Azzopardi tenna li hemm familji li qed ikollhom jiġġieldu mar-realta preżenti li l-paga mhux qed isservihom sal-aħħar tax-xahar. Minħabba f’hekk dawn in-nies lanqas biss jistgħu jgħixu ħajja kif jixtiequ. U anke dawk li fil-passat kienu jgħixu ħajja komda qed jinkwetaw fuq iż-żieda fil-prezzijiet. Huwa qal ukoll li l-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija mhumiex il-kaġun ta’ dan kollu iżda li xorta waħda ħallew impatt fuq is-sitwazzjoni tal-faqar.

Minn naħa tiegħu, d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li diversi familji spiċċaw jonfqu l-flus fuq affarijiet essenzjali biss. U fakkar li l-kirjiet huma wisq għoljin b’riżultat li l-paga mhux qed twassal sabiex dawn il-familji jkunu jistgħu jixtru l-affarijiet kollha li għandhom bżonn. Huwa kompla jgħid li hawn żieda allarmanti ta’ nies li qed jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom u meta jmorru f’xelter ma jkunx hemm post u saħansitra jispiċċaw jorqdu fil-karozza tagħhom.

Ivan Bartolo tenna li n-nies li jmorru fil-foodbanks żdiedu wkoll għaliex il-paga ma sservix.

Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista qalu illi hemm bżonn li l-pajjiż jħares ‘il quddiem u jeħtieġ li tingħata l-għajnuna lil nies vulnerabbli.