Leah Lombardo għad għandha biss ħdax-il sena… iżda t-talent li għandha huwa wieħed kbir. Ta’ seba’ snin hija bdiet tpinġi. U dan il-passatemp, imbagħad, inbidel f’espressjoni ta’ arti.
“Qisu kelli seba’ snin, imma qabel kont inħobb inpinġi ħafna u kont tajba fih u bdejt nara xi affarijet u bdejt nipprovahom bil-mod il-mod.“
Leah qaltilna liem hi l-iktar look favorita ta’ make-up li kreat hi stess.
“Wieħed mill-favourites tiegħi ta’ The Exorcists.. vera għoġobni.“
L-iktar look li damet taħdem fuqha ħaditilha iktar minn ħames sigħat biex tlestiha. U tispjega l-proċess kollu tal-irtokk… jibda mill-isketch.
“Għall-sfx, l-ewwel nagħmel il-primer imma qabel kollox tiskeċja l-look, imbagħad nibda mil-latex jew xi prostetics, spirit gum, any kind… u nara l-isketch u nikkuppjaha. Kif jinxef nagħmillhom il-powder, il-colours, ix-shadings… u nimxi minn hemmhekk.“

Apparti x-xewqa li ssir make-up artist, Leah għandha wkoll ħolm ieħor għall-futur.
“Fil-futur, nixtieq, jekk ma nilħaqx make-up artist, jew tattoo artist jew mid wife.“
Il-mama ta’ Leah, Nicolette, tirrakkonta li sa minn età żgħira, Leah kienet diġà kreattiva.
“Hi minn dejjem kienet tħobb tpenġi u dejjem kreattiva, imbagħad bdiet tagħmel ċerti looks ta’ make up fuqna, u dejjem kibret u dejjem li tara tagħmlu.“
Nicolette tesprimi s-sodisfazzjoni tagħha meta tara l-arti ta’ bintha tieħu l-ħajja.
“Kburija ħafna li waslet s’hawn, nixtieqha timxi iktar ‘l quddiem, apparti Malta u barra minn Malta wkoll u kburija ħafna biha.“
Fl-aħħar xhur, Leah produċiet diversi videos anke għal TikTok. Filwaqt li kellha wkoll kollaborazzjonijiet mal-artist popolari Henri – li għamel isem anke barra minn pajjiżna.
