Waqt intervista li kellu fuq ir-radju Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ fommu sieket dwar il-miżuri ta’ awsterità li qed jieħu l-Gvern tiegħu – fejn l-ewwel vittmi kienu l-istudenti tal-Università.
Robert Abela qal li bħalissa d-dħul mill-income tax u mill-VAT huwa b’saħħtu. Iżda minkejja dan, il-Gvern xorta qed jinsisti li se jissikka ċ-ċintorin – kif stqarr il-Ministru tal-Finanzi tiegħu stess, Clyde Caruana.
Fuq ir-radju Laburista, Abela fl-ebda waqt ma indirizza l-karba tal-KSU, tal-lecturers u tal-ġenituri li uliedhom qed isegwu korsijiet fl-Università. Dan wara li l-Prim Ministru naqqas il-budget għall-Università b’aktar minn miljun ewro.
B’kollox, il-Gvern qed jippjana li jqaċċat mal-€200 miljun min-nefqa tiegħu; mossa li se taffetwa direttament il-kwalità tal-ħajja tal-familji, iż-żgħażagħ u l-anzjani.
Il-Prim Ministru tefa’ ħarstu wkoll fuq il-kwistjoni tas-sigurtà f’pajjiżna, mingħajr ma ta ebda soluzzjonijiet konkreti. Filwaqt illi għażel biss li jattakka lill-Partit Nazzjonalista.
Fl-intervista, Abela tkellem anke dwar it-turiżmu – iżda fl-ebda waqt ma indirizza l-kwistjoni tal-AirMalta u l-pjan tal-Gvern li jagħlaq il-kumpanija; xi ħaġa li hu stess qatt ma ċaħad.
//= $special ?>