Edukazzjoni Lokali

“Se mmorru lura għall-era Vittorjana fejn it-tfal kienu jaħdmu” – Prof Carmel Borg

Li l-istituzzjonijiet edukattivi jkunu flessibbli u inklussivi hi ħaġa importanti ferm, iżda r-raġuni li ngħatat għall-estensjoni ta’ korsijiet fil-Junior College hi ta’ tħassib anke għall-akkademiċi.

Carmel Borg, kap ta’ dipartiment fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni qal li filwaqt li qal li l–Università toffri din it-tip ta’ flessibilità, ir-raġuni li ngħatat mill-viċi prinċipal tal-Junior College għall-estensjonijiet hija waħda inkwetanti.

“Jien ġej mid-dinja akkademika u xtaqt aktar evidenza dwar dak li ntqal, li għandna studenti li qed jaħdmu biex iġibu l-ħobż għall-familja, għax jekk dan hu vera se mmorru lura għall-era Vittorjana”.

Il-professur kien qed jgħid dan fid-dawl ta’ stqarrija tal-Viċi Prinċipal tal-Junior College Roderick Vassallo meta spjega li l-kulleġġ kien se jippermetti estensjonijiet għax ħafna studenti qed ikollhom jaħdmu waqt li jistudjaw biex jgħinu jsostu lill-familja.

Minbarra hekk, Borg qal li aspett ieħor ta’ dak li ntqal hu l-fatt li letturi qed jitħallew totalment barra mnn deċiżjonijiet importanti bħal dawn, bl-awtoritajiet qed jiddeċiedu waħedhom.

Borg qal li ħafna letturi huma mweġġa’ li filwaqt li qed jitkellmu f’isem l-inklużjoni u qed jaħdmu għall-inklużjoni, huma qed jiġu esklużi.

Din mhix l-ewwel darba li ttieħdu deċiżjonijiet importanti dwar l-edukazzjoni fil-Junior College u l-letturi ġew injorati għal kollox.

Fis-sajf li għadda, sar tibdil sostanzjali fir-rekwiżiti biex tidħol kors fil-Junior College, bil-Malti, l-Ingliż u l-Matematika jitneħħew minn suġġetti obbligatorji għal studenti ġodda, u anke dakinhar, il-letturi ma kienux ikkonsultati… tant li grupp sostanzjali minnhom għamlu stqarrija pubblika jikkundannaw din il-bidla.