Tliet tfajliet Kolumbjani li ġew Malta biex isibu x-xogħol u krew appartament f’San Pawl il-Baħar ammettew quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li mexxew burdell u li użaw ir-residenza tagħhom għal skop ta’ prostituzzjoni u atti mmorali. Stephania Hincapie Rodriguez ta’ 27 sena, Maira Michel Tinoco Alzate ta’ 26 sena u Deniss Nicolle Tinoco Alzate ta’ 22 sena, ġew ikkundannati 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Kylie Borg u Dorianne Tabone, qalet li l-Pulizija kien daħlilha rapport mill-ġirien tal-blokka fejn kienu residenti t-tfajliet, li fl-appartament kienu qegħdin jidħlu diversi rġiel. Ħareġ li l-pulizija għamlu osservazzjoni u sabu li r-rapport kien korrett u għalhekk talbu mandat biex jidħlu fir-residenza.
Fl-appartament il-pulizija sabu lit-tfajliet u oġġetti relatati ma’ xogħol ta’ prostituzzjoni. Waqt li kienu qed jitrattaw il-piena, il-Prosekuzzjoni qalet li oriġinarjament it-tfajliet ġew Malta biex jaħdmu iżda spiċċaw jaħdmu fil-prostituzzjoni. Fattur importanti huwa li kollha li huma kkoperaw mal-Pulizija u skużaw ruħhom. Qalu li lesti li jitilqu minn Malta mill-aktar fis possibbli.
Fuq ammissjoni l-Qorti, sabithom ħatja u kkundannathom kull waħda għal 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-oġġetti u flus li nstabu fl-appartament u li ġew esebiti. L-avukat Leontine Calleja dehret għat-tfajliet.
//= $special ?>