Ambjent Lokali

15-il tomna art meħuda mingħajr konsultazzjoni

“Issa jmiss lilna li nġarbu l-arroganza ta’ dan il-Gvern. Se jeħodilna parti mill-pulmun naturali tagħna minħajr lanqas biss ikkonsultana”

Ir-residenti tal-Imtarfa jinsabu rrabjati u mweġġa għall-fatt li l-Gvern tal-Labour ippreżenta pjanijiet għall-proġett massiv f’din il-lokalità fejn se jinkludi Ċentru Terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ imġieba .. proġett li ma saret ebda konsultazzjoni dwaru.

Dan il-proġett li ser jiswa €17-il miljun se jkun qiegħed jinbena fuq art ODZ. Apparti dan, il-proġett ippreżentat mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ser jinkorpora fih binja ta’ wirt storiku, li ġiet mibnija fis-seklu 19.

Net News tkellem ma’ numru ta’ residenti fejn filwaqt li saħqu li mhumiex kontra proġett bħal dan huma esprimew it-tħassib tagħhom.

Dan il proġett se jkun qiegħed jinbena fuq art ta’ ta’ madwar 15-il tomna, ekwivalenti għal madwar 12 –il ground tal-football, li mistenni jospita 24 minorenni taħt it-18-il sena li ngħataw sentenza tal-qorti jew juru diffikultà kbira fl-imġieba tagħhom.

Ir-residenti li tkellmu ma’ Net News stqarrew li f’dawn l-aħħar 13-il sena, kienu bosta dawk li talbu għajnuniet mingħand il-Gvern għal ġid tal-komunità fosthom f’dak li għandha x’taqsam arti u kultura…iżda dawn dejjem waqgħu fuq widnejn torox.

Ir-residenti li tkellmu magħna appellaw lill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa sabiex isemma’ leħnu u tittieħed azzjoni immedjata.

Intant, f’laqgħa li saret il-Ħamis li għadda, li suppost kellha tkun ta’ konsultazzjoni, ir-residenti spjegawlna kif il-Ministru Michael Falzon falla milli jwieġeb għad-domandi li sarulu minn dawk preżenti.

Dan ukoll bħal ma jixhed filmat meħud mir-residenti stess…wara li ntemmet il-laqgħa.

U minflok ir-residenti ġew imwieġba…wieħed minnhom spiċċa imsejjaħ l-għassa tal-Pulizija wara li sar rapport fil-konfront tiegħu…akkużat li agredixxa lil Ministru Falzon u lil vettura tiegħu…minkejja li sussegwentament il-Pulizija ma mexxewx kontrih.

Minn naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista filwaqt li mhux kontra proġett ta’ dan it-tip, ma jistax jaċċetta li ma saret l-ebda konsultazzjoni. Il-pn jemmen li l-konsultazzjoni hija kruċjali f’pajjiż suppost demokratiku.