Lokali

54.6% tal-Maltin iħossuhom waħedhom

Studju li sar fix-xahar ta’ Lulju mill-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta juri li madwar 55% tal-persuni f’pajjizna qegħdin isofru mis-solitudni.

Dan ifisser li aktar minn nofs il-popolazzjoni Maltija iħossuhom waħedhom, u m’għandhomx lil min iċemplu u ma min jitkellmu meta jkollhom xi problema.

Meta kkumparata mas-sena 2019, il-problema tas-solitudni żdiedet bi 11.1 fil-mija – u dan jgħodd għal kważi 198,198 persuna.

Il-Professur Andrew Azzopardi li mexxa l-istudju flimkien mal-Professur Marilyn Clark u Jamie Bonnici  sostnew li din l-istatistika hija nkwetanti, u huwa ta’ tħassib kbir li meta mqabbla ma’ pajjiżi akbar, Malta għandna persentaġġ aktar għoli ta’ solitudni.

Din ir-riċerka turi wkoll li tnejn minn kull għaxar Maltin li għandhom ‘il fuq minn 11-il sena jħossu sens ta’ vojt f’ ħajjithom, filwaqt li statistika oħra inkwetanti turi li wieħed minn kull għaxar persuni Maltin ma jħossux li għandhom nies li jistgħu javdaw f’ħajjithom.

Meta l-parteċipanti wieġbu jekk għandhomx ħabib intimu fil-ħajja tagħhom, wieħed minn kull għaxar persuni Maltin wieġeb fin-negattiv. Din it-tweġiba kienet l-aktar komuni mill-parteċipanti li għandhom ‘il fuq minn 51 sena. Dan filwaqt li terz ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istudju stqarrew li jimmisjaw il-fatt li jkollhom ħabib intimu f’ħajjithom.

Il-Professur Andrew Azzopardi sostna li s-solitudni qed ikollha effett estensiv fuq il-kommunità Maltija iżda ftit li xejn qiegħed isir sabiex din il-problema tiġi indirizzata.

Il-Professur Andrew Azzopardi, appella lil dawk li qed ifasslu l-politika biex jsibu mezz ħalli jitkellmu aktar dwar dawn il-problemi li issa aktar minn qatt qabel qedgħin fil-qalba tas-soċjetà Maltija. U għalhekk jeħtieġ li l-politiku jieħu azzjoni immedjajta.