Futbol Sport

Ememe protagonist għal Mosta bi tripletta personali

Rowen Camilleri

MARSAXLOKK………1

MOSTA………………….4

Marsaxlokk: F. Tabone, T. T. Desira (A. Effiong 73’), J. Mendes, C. Borg (S. Moracci 46’), W. Serrano, E. Vella, S. Ferraris, O. Carniello, V. Wellington, D. Agius, T. Fonseca

Mosta: I. Akpan, T. Akiti (Z. Brincat 46’), P. Mensah, C. Ememe, C. Failla (D. Bnnici 83’), G. Sciberras (N. Agius 58’), M. Okoh (L. Precious 68’), J. Akrong, E. Acheampong (T. Farrugia 84’), J. Vassallo, R. Ekani

Imwissija: R. Ekani 8’, E. Acheampong 30’ (Mo) ,S. Ferraris 42’,J. Mendes 37’(Ma)

Tkeċċa: S. Ferris 81 (Mo)

Skorjaw: C. Ememe 14’, 36’, 89’pen, C. Failla 40’pen (Mo), T. Fonseca 44’ (Ma)

Referee: Andrea Schriha

Assistenti Referees:Jurgen Spiteri u Vasil Vasilev

Il-Mument Plejer tal-logħba: Christ Ememe (Mosta)

BOV Plejer tal-logħba: Christ Ememe (Mosta)

F’partita li kienet deċiża fl-ewwel taqsima, Mosta għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 4-1 biex ħadu l-ewwel tliet punti ta’ dan l-istaġun. Mosta skorjaw tlieta sal-40 minuta permezz ta’ dopjetta ta’ Ememe u penalty ta’ Failla, biex ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Marsaxlokk naqqsu d-distakk permezz ta’ Fonseca. Penalty ieħor din id-darba mgħoti minn Ememe issiġilla r-rebħa gaħl Mosta.

Fl-14-il minuta Mosta marru minn fuq. Kien kross tal-captain Rodriguez Ekani li wasal fil-kaxxa ż-żgħira u f’tentattiv li jtajjar, il-goalkeeper ta’ Marsaxlokk Frederick Tabone ħa l-ballun ħażin u sab quddiemu lil CHRIST EMEME li tefa’ ġewwa f’lasta vojta. Fit-23 minuta Mosta reġgħu marru viċin meta Acheampong daħal fil-kaxxa u minn qagħda angolata prova xutt b’saħħtu li għadda jħakkek mal-lasta. Man-nofs sigħa logħob free kick mix-xellug għal Marsaxlokk mogħti minn Daniel Agius li tefa’ ballun fuq ras Tiago Fonseca iżda l-Brażiljan tefa’ għoli. Fis-36 minuta Mosta rdupjaw meta Acheampong dendel kross preċiż li sab lil CHRIST EMEME li minn taħt il-lasta għaqqad dopjetta personali. L-affarijiet komplew jikkomplikaw ruħhom għal Marsaxloxx meta fl-40 minuta Mosta ingħataw penalty għal-foul fil-kaxxa fuq Gianluca Sciberras. Mill-11-il metru is-solitu CLAYTON FAILLA tefa’ l-ballun naħa u lil Tabone n-naħa l-oħra. Marsaxlokk naqqsu d-distakk fl-44 minuta permezz ta’ TIAGO FONSECA li kompla ġewwa l-kross ta’ Santiago Ferraris.

Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota tat-tieni taqsima, li waslet fl-54 minuta, Acheampong qassam ‘il quddiem lejn Okoh b’dan tal-aħħar wara li avvanza prova xutt li Tabone kellu jilqa’ b’xi ftit tad-diffikultà. Fl-64 minuta pass fit-tul ta’ Eakni lejn Wellington li avvanza u l-konklużjoni tiegħu għaddiet ċentimetri barra. Fl-74 minuta Marsaxlokk imorru viċin meta Wellington żmarka tajjeb lil Fonseca li mill-viċin ra x-xutt tiegħu ikun milqugħ tajjeb ħana minn Akpan qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Fis-76 minuta s-sostitiut ta’ Mosta Precious ta ballun tajjeb lejn Ememe li prova mill-ewwel bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u mar barra. Fil-81 minuta Marsaxlokk spiċċaw jilgħabu b’għaxra meta Santiago Ferris kien muri t-tieni karta safra. Fid-89 minuta Mosta ngħataw penalty ieħor din id-darba għal foul ta’ Frederick Tabone fuq Wellington u din id-darba kien CHRIST EMEME li għaqqad tripletta personali u ssiġilla r-rebħa għall-Mostin.