Edukazzjoni Lokali

“L-edukazzjoni saret l-ewwel vittma” – Prof Carmel Borg

Wara li ftit tal-ġimgħat wara l-elezzjoni, il-Gvern beda jwissi lill-Ministri li jridu jqaċċtu mal-200 miljun Ewro mill-infiq, sa issa ħadd mill-membri tal-Gvern ma qal minn fejn se jaqtgħu l-infiq tagħhom.

Madankollu ftit tal-jiem ilu, r-Rettur tal-Università bgħat email lid-Dekani biex javżahom li se jkun hemm tnaqqis fil-budget ta’ din l-istituzzjoni – tnaqqif li l-istess Rettur qal li kien se jxekkel lill-Università milli topera kif mistenni.

Net News tkellem ma’ Carmel Borg, Kap ta’ Dipartiment fi ħdan il-Fakultà tal-Università.

Borg qal li l-ewwel ħsieb tiegħu f’din il-kriżi finanzjarja kien jekk setgħux żdiedu taxxi fuq min fl-aħħar snin kien akkumula ħafna ġid, minflok tnaqqas il-budget fl-edukazzjoni.

Borg fakkar kif l-edukazzjoni, bħas-saħħa, hi kruċjali għal pajjiżna, u mingħajrha ma nistgħu nagħmlu xejn.

Il-Professur Borg semma kif it-tnaqqis fil-budget tal-Università inevitabilment se jwassal għal tnaqqis fil-budget allokat għar-riċerka, u li Università mingħajr riċerka ma hi xejn.

Dan it-tnaqqis, qal Borg, se jkollu impatt fid-dipartimenti differenti tal-fakultajiet u se jwassal biex xogħol li kien pjanat li jsir mhux se jkun jista’ jitwettaq.

Carmel Borg ilmenta wkoll il-fatt li dan it-tqaċċit fil-fondi wasal mingħajr ma l-Universita kienet preparata għalih, u qabblu ma’ meta jkun hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku.

“Meta jkun hemm qtugħ fid-dawl li jkun imħabbar minn qabel, wieħed jista’ jħejji għalih. Imma meta dan iseħħ ħabta w’sabta ma jtikx ċans tipprepara, u hekk ġara f’dan il-każ”.

Fil-budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern naqqas il-fondi għall-Universita b’ 1.1 miljun ewro.