Kunsilli Lokali Lokali

L-FAA toġġezzjona għal żvilupp li trid tagħmel Transport Malta fil-ġnien tal-Gżira

Applikazzjoni għal żvilupp f’parti mill-ġnien li jinsab fil-limiti ta’ Ta’Xbiex u l-Gżira sabet l-oġġezzjoni tal-organizzazzjoni Flimkien għal Ambjent Aħjar.

L-FAA qed tinsisti li l-applikazzjoni ta’ Transport Malta biex jinbnew uffiċini, swali tal-laqgħat, ħanut u restaurant twaqqa’ l-argument li pajjiżna għandu bżonn aktar spazji miftuħa.

L-istqarrija tal-organizzazzjoni tgħid li s-sit fejn  Transport Malta trid tibni huwa pulmun fil-ġnien storiku tal-Gżira u parti miz-zona tal-fortifikazzjonijiet li għandha valur għoli.

L-FAA qed tgħid li l-istrutturi se jkunu qed jibblukkaw il-veduta ta’ sit ta’ wirt storiku dinji tal-UNESCO.

L-istess organizzazzjoni qed tgħid li Transport Malta messha qed tieħu ħsieb il-bżonnijiet tat-trasport pubbliku tal-pajjiż u mhux qed tapplika biex tibni restaurants biex igawdu l-ftit.

Filwaqt li qalet li f’dik iz-zona diġà hemm biżżejjed restaurants, proponiet ukoll li jekk hemm il-ħtieġa ta’ uffiċini, jista’ jinutża spazji disponibbli għall-kiri f’bini eżistenti fuq in-naħa l-oħra tat-triq jew jistgħu isiru floating offices bħal ma hemm fil-marina ta’ biswit.

L-FAA fakkret ukoll li z-zona proposta għall-iżvilupp li fiha madwar nofs tomna, hija mmarkata bħala spazju pubbliku miftuħ u mhux bħala zona taq’ żvilupp.

L-għaqda qed tgħid li l-ġnien tal-Gżira jinsab fi stat ta’ telqa, u għandu jkun il-veru priorità f’applikazzjoni bħal din. Imma minflok, ma hemm l-ebda indikazzjoni li se jsir xi tisbiħ fil-ġnien.

Flimkien għal Ambjet Aħjar qed tappella liż-żewġ kunsilli tal-Gżira u ta’ Ta’Xbiex, kif ukoll lill-pubbliku in ġenerali biex jitolbu li din l-applikazzjoni tiġi rriffjutata minħabba n-nuqqas ta’ spazji miftuħa filwaqt illi insistiet li spazji ħodor għandhom ikunu mħarsa u msebbħa u mhux mibnija.