“L-applikazzjoni ta’ Transport Malta biex jinbnew uffiċini u ristorant massiv max-xatt Ta’ Xbiex hija ta’ theddida fuq l-ispazji pubbliċi li diġà huma nieqsa minnhom ir-residenti. Każ ieħor f’lista twila ta’ theddid fuq l-ispazji miftuħa.”
Fi stqarrija maħruġa s-Sibt wara nofsinhar, il-Kelliema għall-Artijiet u d-drittjiet għall-Konsumatur Rebekah Cilia qalet li issa jmiss madwar 600 metru kwadru ta’ art bejn il-ġnien tal-Gżira u l-moll tal-yacht marina, art li skont il-local plans hija spazju pubbliku miftuħ, u għalhekk m’għandhiex tkun soġġetta għal żvilupp.
“Jekk isir, dan l-iżvilupp se jkun qiegħed jimblokka x-xatt u jkompli jiggrava l-problemi tat-traffiku u l-parkeġġ f’dawk l-inħawi.”
Rebekah Cilia saħqet li għalkemm nisimgħu ħafna li għandna bżonn nipproteġu l-ispazji pubbliċi imma qegħdin naraw diskrepanza bejn il-kliem u l-fatti. Bħala Partit Nazzjonalista u bħala Oppożizzjoni, jappella biex dan il-proġett ma jsirx u l-ispazji miftuħa jitħallew ħielsa biex jitgawdew mill-pubbliku. Mhux kull biċċa art irridu bilfors nisfruttawha.
//= $special ?>