Lazio 3-1 Inter
Fl-Olimpico, Lazio għelbu lil Inter tal-eks kowċ tagħhom Simone Inzaghi bl-iskor ta’ 3-1 f’logħba kumbattuta bid-differenza li Lazio ħadu l-opportunitajiet li ġewhom filwaqt li Inter bagħtew f’dawk li kienu konklużjonijiet lejn il-lasta.
Felipe Anderson fetaħ l-iskor għal Lazio fl-40 minuta meta kien Milinkovic-Savic li minn nofs il-ground dendel ballun fil-kaxxa li sab lil Brażiljan li rebaħ il-ballun bejn żewġ difensuri u bir-ras għeleb lil Handanovic għal 1-0, skor li ntemmet bih l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima Lazio ħarġu jfittxu t-tieni gowl iżda kienu Inter li skorjaw fil-51 minuta meta minn pass bir-ras ta’ Dumfries, Lautaro Martinez sab ruħu waħdu quddiem il-lasta u faċilment tefa’ ġewwa l-gowl tad-dro tan-Nerazzurri.
Minn dak il-ħin Inter dehru li kienu se jieħdu l-logħba f’idejhom iżda fil-75 minuta Pedro daħal fil-kaxxa avversarja u qassam il-ballun lura barra l-kaxxa lejn Luis Alberto li b’xutt mill-isbaħ ħalla lil Handanovic iħares lejn il-ballun dieħel fl-angolu tax-xibka u Lazio lura fil-vantaġġ. Lazio għalqu l-partita fil-81 minuta meta minn azzjoni mibdija mill-awtur tat-tieni gowl Luis Alberto li qassam lejn Immobile fil-kaxxa li kompla lejn Pedro bl-Ispanjol jikkontroll tajjeb u b’konklużjoji eleganti għeleb lil Handanovic għal skor finali ta’ 3-1 favur Lazio.
Monza 1-2 Udinese
Fl-ewwel partita tal-Ġimgħa, Monza sofrew it-tieni telfa tal-istaġun meta kienu megħluba 2-1 f’darhom kontra Udinese. Kienu Monza li fetħu l-iskor fit-32 minuta permezz ta’ Andrea Colpani, vantaġġ li ma damux wisq igawdu għaliex erba’ minuti wara Beto ġab l-iskor indaqs għal Udinese biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi dro ta’ 1-1.
Udinese skorjaw il-gowl li tagħhom it-tliet punti fis-77 minuta permezz tal-plejer akkwistat mingħand Tottenham iżda misluf lura lilhom Destiny Udogie. Skor finali Monza 1-2 Udinese.

Partiti għal-lum is-Sibt 27 t’Awwissu:
18:30 – Cremonese vs Torino
18:30 – Juventus vs Roma
21:45 – Milan vs Bologna
20:45 – Spezia vs Sassuolo