It-tkaxkir tas-saqajn u d-dewmien esaġerat biex jitlestew numru ta’ proġetti u xgħolijiet f’Tas-Sliema u fl-Imsida qed jurta lil bosta residenti ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet.
Il-proġett li għaddej fix-Xatt ta’ Tas-Sliema suppost kellu jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena li għaddiet iżda s’issa għadu ma tlestiex. Dan id-dewmien qed iwassal għall-inkonvenjent kbir għal kull min juża l-lanċa, kif ukoll għall-Maltin u t-turisti li jħobbu jqattgħu ftit tal-ħin jimxu max-Xatt. Dan apparti t-trabijiet li qed jafettwaw lil bosta residenti Slimiżi.

L-istess sitwazzjoni bħalissa għaddejjin minnha r-residenti Misidjani hekk kif f’Ottubru tas-sena li għaddiet il-Ministru responsabbli nieda l-proġett ta’ tisbiħ tax-Xatt tal-Imsida. Iżda għaddew għaxar xhur u dan il-proġett m’hemmx ħjiel ta’ meta se jitlesta.
Ta’ min ifakkar li hekk kif inbeda dan il-proġett inqalgħu s-siġar kollha li kienu jsebbħu x-Xatt. Apparti dan, dan il-proġett qed jikkawża problemi kbar ta’ traffiku hekk kif il-karozzi qed ikollhom jgħaddu minn karreġġjata waħda bil-konsegwenza li f’ċertu ħinijiet jinġema’ ammont kbir ta’ traffiku.
Dan id-dewmien esaġerat qiegħed jolqot b’mod ħażin ukoll lin-negozji fl-inħawi peress li x-Xatt tal-Imsida huwa mimli restoranti, kafeteriji u ħwienet tat-take away. Numru ta’ sidien ta’ negozji qed jilmentaw kif il-bejgħ naqas għax it-triq ma tantx hija accessibbli minħabba li tnaqqas l-ispazju ta’ parkeġġ.

Numru ta’ persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li huwa tal-mistħija kif f’Malta sar jgħaddi kollox u sar qisu xejn mhu xejn. B’ħafna isaqsu għala l-Gvern ma jżommx ma dak li jwiegħed u l-proġetti jitlestew fiż-żmien stipulat.
//= $special ?>