Lokali

Direttur ġdid għad-Dar tal-Kleru

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Anton Portelli bħala direttur tad-Dar tal-Kleru fi Fleur-de-Lys, waqt li rringrazzja lil Dun Anton Cassar li serva bħala direttur tad-Dar u li se jkompli jagħti s-servizz tiegħu fl-Arċidjoċesi.

Dun Anton Portelli twieled fis-6 ta’ Mejju 1947. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ St Joseph, il-Belt Valletta, u l-edukazzjoni sekondarja u postsekondarja fis-Seminarju, il-Furjana. Kompla l-istudji terzjarji ta’ Baċellerat fl-Arti, u Liċenzjat fil-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Kiseb ukoll Masters fl-Iżvilupp
tar-Riżorsi Umani.

Dun Anton ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Marzu 1972. Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kappillan fil-parroċċa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun. Fl-1981 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Kirkop u fl-1986 bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħ’Attard.

Fl-1993 inħatar bħala Delegat għall-Ħajja u Ħidma fil-Parroċċi u fl-1994 rettur taż-żona pastorali ta’ Pembroke u mbagħad kappillan tal-istess parroċċa. Fl-2006 ingħata l-inkarigu ta’ Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Fl-2015 inħatar bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema fejn baqa’ jservi sal-lum.

Fid-Dar tal-Kleru bħalissa jgħixu 39 saċerdot anzjan kemm djoċesani kif ukoll reliġjużi.

Tags