Lokali

“Hemm xi ħaġa ħażina fil-profitt li sar minn Steward” – Edward Debono

Il-fatt li l-kumpanija Steward iddikjarat profitti ta’ miljuni u għadha sal-ġurnata tal-lum ma lestietx l-isptarijiet kif suppost, ifisser li hemm xi ħaġa ħażina.

Hekk stqarr l-Avukat Edward Debono wara li kien zvelat li l-kumpanija Steward għamlet profitt ta’ sitt miljun ewro minkejja li kienet qalet li ċerti kwistjonijiet li kien hemm fil-kuntratt li kien sar dwar it-tmexxija t-tliet sptarijiet … kienu wasluha f’sitwazzjoni li ma setgħetx tagħmel qligħ.

Qabel is-sena 2020 għaddew miljuni kbar ta’ ewro f’idejn il-korrotti jiġifieri minflok li l-flus intefqu biex jirranġaw l-affarijiet tagħna, il-flus spiċċaw f’idejn il-korrotti. U l-fatt li llum iddikjaraw profitti ta’ miljuni u għadhom sal-ġurnata tal-lum ma lestewx l-isptarijiet tagħna kif imiss, ifisser li hemm xi ħaġa ħażina.

It-Times of Malta żvelat li għal f’dawn l-aħħar snin Steward ilha tinsisti li l-kuntratt li għamlet mal-Gvern kellu bzonn jerġa’ jiġi negozjat mill-ġdid. Iżda minkejja din l-istqarrija, l-audtited accounts għas-sena 2020 urew li din il-kumpanija xorta rnexxielha tagħmel profitt.

Il-kumpanija inizjali li ħadet taħtha t-tmexxija tat-tliet sptarijiet, Vitals, kienet irreġistrat miljuni ta’ ewro f’telf matul is-sentejn li damet tmexxi l-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ St’Luke’s u Karin Grech. 

Qabel l-2020 il-flus spiċċaw f’idejn nies li avvantaġġjaw lilhom infushom fuq dahar il-poplu Malti u wara l-2020 Steward, minflok li mexxiet skont l-obbligi tagħha u rranġat l-isptarijiet tagħna, iddikjarat profitti a skapitu tal-poplu tagħna.

Kelliem għal Steward qal li r-riżultati finanzjarji għall-2020 huma turija ċara ta’ ħidma intensiva li saret fil-mod ta’ kif joperaw anke minkejja li dak iż-żmien id-dinja, inkluż Malta, kienet għaddejja mill-pandemija tal-Covid.

Minkejja dan…il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, is-sena l-oħra kien akkuża lil din il-kumpanija li kienet naqset milli tagħmel l-investiment neċessarju biex ittejjeb il-faċilitajiet u s-servizzi fit-tliet sptarijiet.

F’kummenti li l-avukat tad-Direttur ta’ Vitals Ram Tumuluri ta lit-Times of Malta, qal li l-kumpanija Amerikana kienet taf għal xiex dieħla. Sostna li l-fatt li Steward qed twaħħal fil-VGH, huwa tentattiv biex tiddevja lill-pubbliku mill-ktitika li kienet qed tirċievi Steward. 

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia kien fetaħ kawża l-Qorti sabiex dawn it-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-poplu Malti. Dan hekk kif din il-konċessjoni falliet milli tilħaq l-obbligazzjonijiet illi kellha.

Il-pożizzjoni hija l-istess.. qabel l-2020 il-flus spiċċaw f’idejn il-korrotti u wara l-2020 spiċċaw f’idejn Steward mingħajr ma huma għamlu l-obbligi tagħhom għall-poplu Malti, u dan huwa ħażin. Dan irid jiġi mwaqqaf mill-iktar fis u ma jistax ikun li jkomplu għaddejjin hekk li l-istparijiet tagħna jkunu f’idejn nies li mhumiex lesti li jagħmlu l-ibbligi tagħhom lejn il-poplu Malti.