Edukazzjoni Lokali

Il-kriżi finanzjarja tal-Gvern u t-tnaqqis ta’ €1.1 miljun lill-Università

Wara l-aħbar xokkanti ta’ nofs din il-ġimgħa – proprju fl-eqqel tas-sajf biex tagħmel ħoss mill-inqas – u sar magħruf li l-Gvern Laburista naqqas xejn inqas minn €1.1 miljun mill-baġit allokat għall-Università ta’ Malta, issa t-tħassib ta’ ħafna qed idur fuq l-istituzzjonijiet tal-MCAST, tal-ITS u tal-edukazzjoni b’mod ġenerali fejn l-indikazzjonijiet qed juru li wara t-tberbiq bl-addoċċ il-Gvern jinsab fi kriżi finanzjarja serja.

Dan esprimieh ma’ Il-Mument Justin Schembri, li hu l-Kelliem dwar l-Edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista meta ħadet ir-reazzjonijiet għall-aħħar żviluppi fis-settur edukattiv ta’ din il-ġimgħa. Mistoqsi kif jinterpreta din id-deċiżjoni drastika tal-Gvern fuq l-Università ta’ Malta, Justin Schembri għamilha ċara mill-ewwel li din id-deċiżjoni tikkonferma li pajjiżna qiegħed jitlef id-direzzjoni edukattiva minħabba li l-Gvern tilef dik ekonomika.

“Filwaqt li għandna pajjiż li kapaċi jonfoq u jaħli l-flus f’kollox u għalkollox, l-inkompetenza ekonomika tal-Gvern wasslet biex jitnaqqsu l-allokazzjonijiet finanzjarji tal-Università ta’ Malta. Il-Gvern ma ddejjaq xejn jieħu din id-deċiżjoni iebsa, irresponsabbli, inkonċepibbli, inġusta u diżgustanti.”

Hu kompla li hu ta’ għajb li dan il-Gvern qed iġib lill-Università ta’ Malta tallaba għall-fondi. Tallaba ta’ Gvern li ma jridx jinvesti fil-futur għax ma jemminx biżżejjed f’uliedna u f’dak li toffri l-Università ta’ Malta. Għall-kuntrarju, lil Sadeen tal-Università Ġordaniża qed ikompli jagħtihom u jagħtihom!

Hu fisser li dan hu r-riżultat ta’ Gvern li qed jixxaħħaħ u jitqammel mal-futur ta’ wliedna, u allura mal-futur tal-pajjiż. Dan hu l-istess Gvern li kien wiegħed “Malta li rridu għal uliedna” u issa qed narawh iċaħħadhom mill-investiment li hu tagħhom bi dritt.

Dan it-tnaqqis se jkun qed jimpatta r-Riċerka fl-Università, għax donnu nesa li qabel l-Elezzjoni wiegħed fil-Manifest Elettorali li se jkun qed jinvesti tnejn fil-mija tal-GDP tal-pajjiż għaliha.

Justin Schembri żied li l-fondi destinati għall-Università ta’ Malta, li tinkludi, fost l-oħrajn, il-Junior College li hu amministrat mill-istess Alma Mater, ilhom snin insuffiċjenti, aħseb u ara issa bit-tnaqqis radikali tal-fondi kif ġie mħabbar.

Id-deċiżjoni tal-Gvern turi inkompetenza serja ħafna għax filwaqt li tinjora kemm hu vitali r-rwol tal- qasam edukattiv inġenerali u tal-Università ta’ Malta inpartikolari – tant li minn dan l-istess settur jiddependi direttament jew indirettament l-iżvilupp ta’ kull settur ieħor tal-pajjiż – toħloq tħassib u inċertezza sew fuq dawk li joperaw f’dan il-qasam, sew fuq l-istess studenti tagħna li huma l-futur ta’ pajjizna u li jaspiraw li jkollhom l-aqwa għodda u s-serħan tal-moħħ sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar kontribut għall-ġid tal-pajjiż.

Hu inkonċepibbli li l-Gvern jixxaħħaħ b’dan il-mod proprju f’qasam fejn għandu jinvesti ħafna iktar milli qatt għamel s’issa.

Justin Schembri kompla li dan il-Gvern la qiegħed inaqqar il-fondi tal-Università ta’ Malta, jista’ jkun li se jkun qed inaqqas ukoll il-baġit tal-MCAST, tal-ITS, tal-IFE u tal-Edukazzjoni b’mod ġenerali?

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella informa lid-Dekani li l-Università ta’ Malta rċiviet komunikat li jgħid li l-baġit allokat ser jitnaqqas b’€1.1 miljun. Ir-Rettur qal li dan huwa ammont sostanzjali fejn 85% tal-fondi jmorru għall-pagi u 10% imorru għas- servizzi essenzjali. Huwa saħaq li mhux ser jifdal wisq sabiex isiru affarijiet oħra.

Il-Profs Vella kompla jgħid li hu inkwetanti l-fatt li hemm indikazzjoni li l-baġit li jmiss ikun fl-istess livell bħal ta’ din is-sena (wara t-tnaqqis mill-fondi). Dan ifisser li meta wieħed jikkunsidra ż-żidiet fis-salarji u żidiet fi spejjeż oħra, mill-baġit tal-Università ta’ Malta se jkun qed jitnaqqsu bejn €3 u €5 miljun.

Intant, fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Università ta’ Malta, li diġà qed topera b’allokazzjonijiet finanzjarji ristretti, mhux talli mhix qed tkun megħjuna u mħeġġa tespandi fl-operat tagħha anke b’tisħiħ fl-oqsma tar-riċerka, imma talli qed jitnaqqsulha l-fondi b’detriment għall-operat professjonali tagħha.

Il-Kelliem tal-PN, Justin Schembri, kompla jgħid li dan qed jimpedi lill-Università ta’ Malta milli tiffoka fuq proġetti ġodda li permezz tagħhom tkompli tissaħħaħ u tagħti servizz lill-istudenti Maltin u barranin. Minflok, iżda, il-Gvern jagħżel li jġib lill-Università ta’ Malta tallaba għall-fondi. Justin Schembri fisser li bir-raġun kollu li immedjatament wara li ħarġet din l-aħbar, il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-mod kif il-Gvern Laburista qed jagħżel li jnaqqas l-allokazzjoni finanzjarja lill-Università ta’ Malta, filwaqt li fakkar li l-finanzi utilizzati fl-Edukazzjoni huma investiment għall-futur u mhux kapriċċ għall-propoganda.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern ta’ Robert Abela u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana mhux veru jemmen fl-Edukazzjoni, tant li qed jixxaħħaħ mal-Università ta’ pajjiżna.

Justin Schembri sostna nsista li fil-verità, il-kliem sabiħ tal-Gvern Laburista, bħal meta uża “Malta li rridu għal uliedna” bħala t-tema għall-baġit ta’ din is-sena, mhu xejn ħlief propoganda qarrieqa u fqira li ma tagħmilx ġustizzja mal-futur ta’ wliedna, li qed jistudjaw jew se jibdew jistudjaw fl-Università ta’ Malta.

Hu spjega li dan hekk kif il-Gvern qed jikkonferma tnaqqas fil-baġit allokat lill-Università ta’ Malta b’mill-anqas €1.1 miljun għas-sena akkademika li tmiss. Dan it-tnaqqis drastiku fil-baġit tal-Università ta’ Malta ikkonfermah ukoll ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, f’kommunikazzjoni li bagħat lid-Dekani tal-Fakultajiet biex jinformahom bid-deċiżjoni tal-Gvern, li se tkun qed timpatta fin-negattiv it-tmexxija Universitarja.

Mistoqsi dwar il-korrispondenza elettronika li r-Rettur tal-Università bagħat f’nofs din il-ġimgħa, Justin Schembri qal li fil-komunikazzjoni tiegħu, ir-Rettur spjega li 85 fil-mija tal-baġit allokat lill-Università ta’ Malta jmur għas-salarji u 10 fil-mija oħra għal servizzi essenzjali. Għaldaqstant, bid-deċiżjoni tal-Gvern, jidher li l-Università mhux se jkollha biżżejjed fondi biex tamminstra u timmanuvra il-ħtiġijiet akkademiċi tagħha bil-kwalità mistennija.

Hu sostna li r-Rettur esprima t-tħassib tiegħu wkoll għall-fatt li l-allokazzjoni finanzjarja tkompli titnaqqas għas-sena akkademika ta’ wara (2023-2024), hekk kif minħabba l-inflazzjoni u ż-żidiet fis-salarji u s-servizzi, dan it-tnaqqis jista’ saħansitra jkun bejn it-€3 miljun u l-€5 miljun.

Barra minn hekk, l-Università ta’ Malta qed tistenna wkoll tnaqqis fil-Fond għar-Riċerka, li jista’ jillimita lill-Università milli tkompli bi programmi ta’ riċerka ppjanati għas-sena akkademika li ġejja, fi żmien meta r-Riċerka għandha dejjem tingħata aktar spazju u investiment.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif l-Università ta’ Malta, li diġà qed topera b’allokazzjonijiet finanzjarji ristretti, mhux talli mhix qed tkun megħjuna u mħeġġa tespandi fl-operat tagħha anke b’tisħiħ fl-oqsma tar-Riċerka, imma talli qed jitnaqqsulha l-fondi b’detriment għall-operat professjonali tagħha.

Dan qed jimpedi lill-Università ta’ Malta milli tiffoka fuq proġetti ġodda li permezz tagħhom tkompli tissaħħaħ u tagħti servizz lill-istudenti Maltin u barranin.

Minflok, iżda, il-Gvern jagħżel li jġib lill-Università ta’ Malta tallaba għall-fondi. U dan hu l-istess Gvern li nefaq nofs miljun ewro f’reklamar għall-Baġit 2022 f’Ottubru li għadda u l-istess Gvern li wiegħed b’tant ftaħir qabel l-elezzjoni ta’ Marzu li l-Edukazzjoni se tkun il-prijorità tiegħu.

Tags